GVERN LI BIL-FATTI QED JGĦIN LIS-SETTUR AGRIKOLU F’PAJJIŻNA
“Il-Gvern ikompli jwettaq dak li wiegħed għas-settur Agrikolu bil-fatti u mhux bil-paroli u dokumenti biss”. Dan qalu Dr Francis Agius, is-Segretarju Parlamentari għall Biedja u s-Sajd, meta dalgħodu kien qed izur is-serrer tal-familja Borg f’San Gwann fejn ħabbar ukoll iktar għajnuna finanzjarja għas-settur Agrikolu.
Dr Agius qal li l-għajnuna finanzjarja li tqassmet matul din il-ġimgħa kienet tammonta għal iktar minn miljun u tlett mitt elf lira u li kienet imqassma fuq sitt miżuri differenti.
L-għajnuna kienet imqassma kif ġej:
· Għajnuna għall kull tomna raba li jinħadem (LFA): LM905,201 (€2,108,551.13)
· Għajnuna fuq il-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ: LM151,675 (€353,307.71)
· Għajnuna addizzjonali fuq id-dwieli: LM134,077 (€312,315.40)
· Għajnuna għall-bdiewa li huma full time(Ad Hoc): LM57,691 (€134,383.88)
· Għajnuna ta’LM10 għal kull tomna patata li tinżera: LM59,493 (€138,581.41)
· Għajnuna fuq taħwil ta’ dwieli ġodda: LM14,443 (€33,643.14)
Dr Agius qal li l-għajnuna ta’ tlett mizuri li tqassmet illum, 80% hi għajnuna li ġejja mill l-Unjoni Ewropea u 20% ingħataw mill-Gvern Malti. Kien spjegat ukoll li kieku Malta baqgħet barra minn l-Unjoni Ewropea kien ikun iċ-ċittadin li jħallas għal din l-għajnuna mit-taxxi tiegħu jew inkella ma kienet tingħata qatt. B’dan il-mod 80% ta’ l-ispiża kollha fuq dawn it-tlett miżuri qed titħallas mill-Unjoni Ewropea. It-tlett għajnuniet l-oħra qed jitħallsu mill-Gvern Malti taħt l-iSpecial Marketing Program for Maltese Agriculture (SMPPMA).
Matul din il-ġimgħa tqassam ukoll is-sussidju fuq frott u ħaxix li jiddaħħal il-pitkalija tax-xhur Lulju u Diċembru tas-sena 2006 li dan jammonta għal Lm582,528 (€1,356,925.23). Dr Agius qal li biex jiġu effetwati l-pagamenti hemm l-obbligi mandatorji li jsiru l-kontrolli, l-awditjar u l-ispezzjonijiet neċessarji.
Dr Agius fakkar li għas-snin 2007-2013 il-biedja Maltija se jkollha għad-dispożizzjoni tagħha mitt miljun Ewro li 75% jiġu mogħtija mill-istess Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Parlamentari Agius spjega kif l-għaqdiet tal-produtturi qed iħallu l-frott mixtieq. Ġie spjegat kif matul il-gimgħa li għaddiet żewġ għaqdiet tal-produtturi fetħu l-biebien tagħhom fi ġranet barra dawk stabbiliti u r-rispons kien wieħed sodisfaċenti. Dan juri kif il-konsumatur irrid li jkollu prodott frisk.
Dan jawgura tajjeb għal futur, mhux biss ta’ l-għaqdiet tal-produtturi imma għal l-istess bdiewa li jiffurmaw parti minn dawn l-għaqdiet. Permezz ta’ din is-sistema l-bdiewa qed ikollhom l-opportunita’ li jbiegħu l-prodotti tagħhom direttament.
Dr Agius qal li din hi t-triq li ser tkompli tgħin fir-ristrutturar tas-settur Agrikolu għax il-bdiewa tagħna kapaċi u ma jibzgħux mill-isfidi li jpoġġu quddiemna ż-żminijiet tal-lum.
“Dan għal darb’oħra juri l-impenn u s-sensittivita’ tal-gvern lejn is-settur Agrikolu u li l-gvern preżenti bil-fatti qed jgħin ħalli is-settur agrikolu jkompli jkun kompettitiv”, temm jgħid Dr Agius.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959