“DISINJI TA’ STUDENTI TA’ L-ARKITETTURA LI JISTGĦU JKUNU SORS TA’ INNOVAZZJONI GĦALL-IPPJANAR TA’ INDUSTRIAL PARKS ĠODDA” – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
“Progetti bħal dan, li juru ideat differenti għall-ħolqien ta’ villaġġ ta’ l-artiġjanat, ma humiex bilfors biss eżerċizzju mogħti lill-istudenti. Fil-viċin ser joħorġu permessi għal zoni industrijali privati, u għaldaqstant hemm il-possibilita’ li jiġu mibnija villaġġi ta’ l-artiġjanat simili għal dawk ta’ Ta’ Qali u ta’ Ta’ Dbieġi li jkunu f’idejn il-privat. Disinji bħalma huma dawn ta’ l-istudenti jistgħu jkunu l-bażi ta’ proġettar ta’ villaġġi innovattivi li jitħaddmu mis-settur privat.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo kien qiegħed jitkellem fil-ftuħ ta’ wirja ta’ disinji u mudelli bbażati fuq il-proġett tal-Villaġġ ta’ l-Artiġjanat ta’ Ta’ Qali.
Għall-ftuħ ta’ din il-wirja kien hemm preżenti wkoll il-Professur Denis De Lucca, il-Kap tad-Dipartiment ta’ l-Arkitettura, Dr. Vince Buhagiar, ko-ordinatur tad-disinn, u numru ta’ studenti. L-Onor. Vassallo qal li “din l-inizjattiva tad-Dipartiment ta’ l-Arkitettura għandha tmur lil hinn minn sempliċi eżerċizzju akkademiku u permezz tagħha l-istudenti qegħdin jitgħallmu mhux biss dwar id-diżinn ta’ villaġġ artiġjanali, izda wkoll elementi li huma parti integrali mill-imprenditorija. L-edukazzjoni fl-imprenditorija ma tfissirx bil-fors lezzjonijiet żejda fuq is-suġġett, iżda permezz ta’ ezerċizzju bħalma kien dan, l-istudenti kellhom jaħsbu fuq aspetti differenti ta’ l-ippjanar ta’ żona. Permezz ta’ dan l-eżerċizzju akkademiku, l-istudenti kellhom ikunu kreattivi u innovattivi biex ma joħolqux kollha l-istess proġett, u dawn it-tip ta’ innovazzjoni u kreattivita’ għandhom ikunu wkoll parti integrali minn kull negozju. L-istudenti għandhom jużaw din il-kreattivita’ u l-innovazzjoni mhux biss għal eżerċizzji akkademiċi, iżda wkoll meta jibdew jaħdmu, biex ikunu jistgħu jagħtu l-aħjar servizz lill-klijenti tagħhom.”
Studenta li ħadet ħsieb l-organizazzjoni tal-wirja spjegat kif il-proġett ġie mogħti lill-istudenti f’Ottubru tas-sena l-oħra u pparteċipaw fih 51 student b’kollox. Fl-ewwel xahar, l-istudenti ħadmu flimkien biex ifasslu “design brief”. Dan ikkonsista f’riċerka dwar il-proġett, l-iżjed dwar l-ispazju u l-ħidma tiegħu. Wara, bdew jaħdmu individwalment u ġew imfassla 51 proġett indiviwali.
Dr. Buhagiar, li huwa l-kordinatur tad-disinn fit-tielet sena spjega li l-idea tal-proġett li ngħatat lill-istudenti kienet dik li drawwiet u artġjanat tradizjonali jintwerew bħala parti integrali mill-kultura Maltija. Aspett interessanti ta’ dan il-proġett kien kif ġew mħallta binjiet man-natura ta’ din iż-żona, li kienet mitjar militari, filwaqt li l-istudenti setgħu jużaw materjali għall-bini innovattivi. Dr. Buhagiar qal ukoll li ingħatat prijorita’ lill-problemi tas-sit, li huwa pjanura, fejn il-kunċett tal-proġett sħiħ ġie qabel id-disinn tal-binjiet individwali.
Il-Professur Denis De Lucca, Kap tad-Dipartiment ta’ l-Arkitettura faħħar ix-xogħol ta’ l-istudenti li tellgħu din il-wirja tal-proġetti tat-tielet sena dwar id-disinn ta’ mużew ta’ l-artiġjanat interattiv u fil-beraħ f’Ta’ Qali. Il-Prof. De Lucca spjega li wirjiet bħal dawn dejjem kienu l-aħjar mod biex jitferrxu ideat ġodda dwar l-arkitettura, biex jiġu offruti soluzzjonijiet innovattivi għal problemi li huma site-specific. Dawn il-problemi jinkludu problemi ta’ spazju, forma u struttura, li dejjem inbidlu skond il-kuntest storiku jew kulturali tal-bniedem. Għal dan il-għan, din il-wirja hi parti mill-ħidma tad-dipartiment li tesponi lill-istudenti għar-realtajiet li jeżistu barra mill-klassi, biex ikunu ppreparati aħjar għar-relazzjonijiet li jkollhom mal-klijenti tagħhom meta jilħqu bħala periti, u għar-responsabilitajiet tagħhom ambjentali u soċjo-ekonomiċi lejn is-soċjeta.
Il-Prof. De Lucca temm billi rringrazzja lill-għalliema Dr. Vincent Buhagiar, Perita Audrey Galea u Perit Ruben Borg għall-appoġġ li taw lill-inizjattivi tad-disinn ta’ l-istudenti.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo temm billi faħħar din l-inizjattiva u ħeġġeġ lill-istudenti biex ikunu innovattivi fil-proġetti tagħhom u biex dejjem jara l-applikazzjoni ta’ dawn il-proġetti fir-realtajiet tas-suq.
Il-wirja ser tkun miftuħa għall-pubbliku bejn is-7 u l-20 ta’ Marzu bejn it-0800 u l-1700 fil-Foyer tas-Sala Sir Temi Zammit fl-Universita’ ta’ Malta.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959