Left arrow Go Back

KAMPANJA EDUKATTIVA DWAR L-UŻU AĦJAR TAR-RIŻORSI TA’ L-ENERGIJA "MA TRIDX WISQ"

PR0311
Date Icon 02/03/2007

Il-bidla fil-klima, iż-żieda fl-emissjonijiet u l-użu aħjar tar-riżorsi ta’ l-enerġija huma fatturi li llum aktar minn qatt qabel kulħadd hu konxju minnhom. Fil-preżent il-politika kemm tal-Gvern, kif ukoll ta’ l-Unjoni Ewropea hi ffukata bil-għan li dawn il-fatturi jiġu indirizzati.

Fiċ-ċirkostanzi ta’ pajjiżna l-konsum ta’ l-enerġija qiegħed kull sena jiżdied u għaldaqstant, kemm il-Gvern kif ukoll iċ-ċittadini huma obbligati li jżidu l-effiċjenza fl-użu aktar għaqli ta’ l-enerġija.  Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit meta kien qed iħabbar il-bidu tal-kampanja edukattiva mnedija mill-Awtorita` tar-Riżorsi, immirata favur il-konservazzjoni u l-effiċjenza fil-konsum ta’ l-energija.

Wara sejħa għall-offerti mid-Dipartiment tal-Kuntratti ġew aġġudikati l-offerti kollha u l-kumpanija Where’s Everybody ġiet magħżula sabiex timplimenta din il-kampanja ta’ edukazzjoni.  Il-kampanja ser tkun indirizzata lejn il-konsum ta’ l-elettriku domestiku, tagħlim lill-istudenti fl-iskejjel, filmati u rapporti fil-media u eżempji konkreti b’riżultati ta’ kif jista` b’mod sempliċi jonqos il-konsum ta’ l-elettriku.

Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza stampa, il-Ministru Ninu Zammit spjega li f’pajjiżna l-elettriku qed jiġi ġġenerat kollu permezz ta’ apparat li jaħdem biż-żejt, liema prodott hu kollu impurtat. Il-Gvern minn naħa tiegħu sa mill-2005 nieda diversi skemi b’mod li filwaqt li jiġu introdotti sistemi alternattivi tal-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku, fl-istess ħin titnaqqas id-domanda għall-elettriku fuq skala nazzjonali.  Fost dawn il-miżuri li daħlu fis-seħħ, insibu sussidju fuq:

·        l-installazzjoni ta’ solar water heaters - 25% tal-ħlas fuq l-apparat sa massimu ta’ Lm100 (€ 232.94).

·        sussidju fuq xiri ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku – 15.75% fuq in-nefqa tal-vettura sa massimu ta’ Lm500 (€ 1,164.69).

·        sussidju ta’ 25% sa massimu ta’ Lm100 (€ 232.94) fuq installazzjoni ta’ thermal insulation fis-soqfa.

·        sussidju ta’ 20% sa massimu ta’ Lm500 (€1,164.69) fuq xiri u installazzjoni ta’ sistemi photovoltaic.

·        sussidju ta’ 20% sa massimu ta’ Lm100 (€232.94) fuq xiri u installazzjoni ta’ turbini li jaħdmu bir-riħ.

·        sussidju ta’ 20% sa massimu ta’ Lm50 (€116.47) fuq xiri ta’ ċertu appliances li jkunu kklassifikati bħala energy efficient.

Rigward l-aħħar skema mħabbra fil-budget 2006 jiġifieri dik tas-sussidju fuq xiri ta’ l-appliances, il-Ministru ħabbar li minn meta ġiet imnedija din l-iskema sa llum diġa’ ġew sottomessi madwar 2,000 applikazzjoni lill-Awtorita`.

Dan kollu flimkien ma’ miżuri oħra huma intiżi sabiex pajjiżna possibilment jilħaq il-mira ta’ wieħed fil-mija (1%) fis-sena fuq perjodu ta’ disa` snin fit-tnaqqis tal-konsum ta’ l-enerġija kollha ta’ pajjiżna.  Il-Ministru spjega li fil-bidu ta’ din is-sena ġie ppubblikat Avviż Legali li jirregola l-industrija tal-bini f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-użu ta’ l-enerġija.  L-elementi li daħlu f’dan l-Avviż Legali jkopru l-bini ta’ ħitan esposti għall-elementi naturali, it-tfassil ta’ l-aperturi u s-soqfa.  Dawn l-elementi kollha jistgħu jsarrfu f’inqas konsum ta’ enerġija, u f’abitat aktar komdu kemm fl-istagun tax-xitwa kif ukoll f’dak sajfi.

Il-Ministru temm jgħid li l-qafas tal-kampanja ser ikun f’forma ta’ kampanja ta’ edukazzjoni fejn il-konsumatur ser ikun mgħallem kif b’mod sempliċi u mingħajr ma jonqos jew jiġi minsus il-mod ta’ kif jgħix, inaqqas il-konsum ta’ l-elettriku, inaqqas l-ispiża relatata ta’ l-istess konsum, tonqos il-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku, tonqos l-importazzjoni tal-fuel u allura jonqsu l-emmissjonijiet biex ilkoll bħala poplu jkollna ambjent aktar nadif.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow