IPPUBBLIKATI L-EMENDI GĦAR-REGOLAMENTI TAL-KAĊĊA U L-INSIB
L-emendi għar-regolamenti eżistenti tal-kaċċa u l-insib (Avviż Legali 79 ta’ l-2006) kienu ppubblikati fil-ħarġa ta’ llum tal-Gazzetta tal-Gvern permezz ta’ Avviż Legali 39 ta’ l-2007.
Kif tħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa, dawn l-emendi ġew maqbula mill-Kabinett u huma riżultat ta’ numru ta’ laqgħat tekniċi bejn uffiċjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, il-Birdlife u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK). Dawn l-emendi għandhom l-għan ewlieni li jżidu d-deterrent fuq il-kaċċa abbużiva, jdaħħlu proviżjonijiet ġodda ta’ siti projbiti u li jiċċaraw ukoll xi anomaliji li kien hemm fir-regolamenti eżistenti.
Iż-żieda fil-pieni, għalkemm ġiet proposta mill-Birdlife Malta, għandha ssib l-appoġġ ukoll tal-kaċċaturi serji. Permezz ta’ l-emendi, il-Qorti qed tingħata d-dritt li:
· TIĠI REVOKATA B’MOD PERMANENTI L-LIĊENZJA TAL-KAĊĊA KIF UKOLL TIĠI REVOKATA B’MOD PERMANENTI L-LIĊENZJA TAL-ĠARR TA’ L-ARMA GĦAL MIN HU RIĊEDIV;
· IL-PIENI FUQ OFFIŻI AGGRAVATI ĠEW IRDUPPJATI U ISSA SE JIBQGĦU TELGĦIN SA’ LM6,000 (€13,976.24);
· SENTENZI TA’ PRIĠUNERIJA LI JITILGĦU SA’ SENTEJN; U
· IL-QORTI TISTA’ TIKKONFISKA KEMM L-ARMA KIF UKOLL TIRREVOKA L-LIĊENZJA TAL-ĠARR TA’ L-ARMA;
Emenda oħra importanti maqbula mill-Kabinett hija proposta oħra tal-Birdlife li fuqha wkoll qabel il-Ministeru u li permezz tagħha issa ma jistax isir ġarr u użu ta’ arma tan-nar f’area sa’ 50 metru bogħod minn bajjiet pubbliċi. Din l-emenda tikkumplimenta r-regolamenti eżistenti li diġa’ kienu jipprojbixxu l-ġarr u l-użu ta’ l-arma f’ċirkostanzi oħrajn, fosthom f’dawk il-bajjiet li huma 50 metru ’l bogħod minn triq prinċipali (main road) jew 200 metru ’l bogħod minn żona urbana.. Peress li sa’ llum il-bajjiet mhumiex definiti fil-liġi Maltija, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ħejja skeda li tiddefinixxi l-bajjiet li fihom se tidħol fis-seħħ din il-projbizzjoni.
Dawn huma l-bajjiet ta’ Paradise Bay, il-bajja ta’ l-Armier, Anchor Bay, Golden Bay, Għajn Tuffieħa u l-Ġnejna. F’Għawdex il-bajjiet huma r-Ramla l-Ħamra, San Blas, ix-Xatt l-Aħmar, Imġarr ix-Xini u l-bajja tax-Xlendi.
Il-Kabinett approva wkoll xi emendi wara proposti mressqa mill-FKNK foshom tibdil fid-daqs taċ-ċomb li hija intiża biex tikkoreġi anomalija li kien hemm fir-regolamenti eżistenti kif ukoll klassifikazzjoni aktar definita ta’ l-għasafar li jistgħu jkunu kkaċċjati fuq l-art u dawk li jistgħu jkunu kkaċċjati fuq il-baħar.
Saret emenda ohra fejn il-perjodu ta’ żmien li jrid jgħaddi bejn ir-rakkomandazzjoni tal-ORNIS u l-ftuħ ta’ l-istaġun, se jinżel għal erba’ ġimgħat minn sitt għimgħat kif kien qabel. Dan qed isir biex jippermetti lill-ORNIS diskussjoni aktar fil-fond qabel ma jinfetaħ l-istaġun innifsu. Hemm ukoll xi emendi oħrajn sabiex jiġu ċċarati l-istess regolamenti.
L-iskop ta’ dawn l-emendi huma li filwaqt li jirrispetta l-mandat elettorali, il-Gvern irid jassigura li kulħadd jirrispetta l-liġi u kwalunkwe attivita’ ta’ kaċċa u nsib issir fil-parametri ta’ dak li tippermetti l-liġi. Min mhux lest li jagħmel dan se jkollu prezz ferm aktar għoli xi jħallas.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959