AKTAR SERVIZZI TAL-GVERN ONLINE GĦALL-BENEFIĊĊJU TAL-FAMILJI MALTIN U GĦAWDXIN
Waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Austin Gatt u l-Ministru Dolores Cristina ġew mnedija żewġ servizzi ġodda ta’ l-eGovernment, l-applikazzjonijiet online għaċ-children’s allowance u għall-allowances supplimentari.
Persuna tista’ taċċedi għal dawn iż-żewġ servizzi permezz tas-sit elettroniku www.beneficcjisocjali.gov.mt.
F’diskors li għamel waqt din il-konferenza ta’ l-aħbarijiet il-Ministru Austin Gatt ħabbar li l-Gvern għaddej bil-preparazzjoni tiegħu biex joħroġ enabling tender li jiġbor flimkien mal-45 servizz ġdid li ser jibda jiġi pprovdut fix-xhur li ġejjin.
Il-Ministru Austin Gatt, Ministru ta’ l-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, fakkar li tul dawn is-seba’ snin il-Gvern irnexxielu jasal biex jipprovdi l-maġġoranza l-kbira tas-servizzi tiegħu b’mod elettroniku tant li pajjiżna ġie klassifikat fit-tieni post fl-Unjoni Ewropea, fejn jidħol il-kwantità ta’ servizzi elettroniċi.
Mhux biss, iżda ftit tas-snin ilu ttieħdet id-deċiżjoni li dawn is-servizzi flok isiru mill-Gvern jibdew jiġu prodotti mill-industrija privata taħt is-superviżjoni tal-MITTS. Il-Gvern jemmen fil-ħiliet ta’ l-industrija lokali u jrid ikompli jsaħħaħ u jipprepara l-industrija lokali ta’ l-IT għall-miġja ta’ SmartCity Malta.
Il-Ministru Austin Gatt kompla li l-mira tal-Gvern hija li nkunu l-aħjar u d-deċiżjoni biex nagħmlu dan l-enabling tender ġiet wara li nħasset il-ħtieġa li jiżdied il-pass li biha nipproduċu servizzi elettroniċi tal-Gvern u noħolqu sistema iktar effettiva biex nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Minn naħa tagħha l-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, l-Onor. Dolores Cristina, spjegat li dan is-servizz huwa mmirat li jagħmel il-ħajja tal-klijenti li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi aktar faċli. Fil-fatt hemm ’il fuq minn 60,000 persuna li tista’ tagħmel użu minn dawn is-servizzi (32,000-il klijent li jieħu ċ-children’s allowance u 30,000-il klijent li jieħu s-supplementary allowance). Il-Ministru Cristina spjegat li l-fatt li dawn is-servizzi issa qegħdin online għandha twassal biex minbarra li l-klijent jikseb is-servizz b’aktar kumdità, ser ikun hemm aktar effiċjenza fl-għoti ta’ dawn is-servizzi. Hija spjegat li dan is-servizz huwa xhieda ta’ kif dan il-Gvern b’mod sħiħ u b’inizjattivi inter-ministerjali jwassal biex jipprovdi servizz li jtejbu il-kwalità tal-ħajja ta’ dak li jkun.
Fil-fatt qabel it-tnedija ta’ dan is-servizz b’mod elettroniku kull benefiċjarju kien ikun irid japplika għal dawn is-servizzi kull sena, biex kull sena jivverifika li hu eliġibbli. Minn issa ser jispiċċa l-bżonn li individwu jiġri għall-P3, għall-formoli u għaċ-ċertifikat tal-bank. Kollox ser jibda jsir f’applikazzjoni elettronika waħda u d-Dipartiment jivverifika hu l-informazzjoni li għandu bżonn. Għal dan is-servizz elettroniku hemm bżonn li persuna jkollha l-identità elettronika, dik li tissejjaħ e-id.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959