Left arrow Go Back

Impenn mill-Gvern biex it-toroq residenzjali kollha f’ Ħal Luqa Jkunu nbnew sa ftit xhur oħra

PR0291
Date Icon 28/02/2007

Il-Gvern huwa impenjat li jibni t-toroq residenzjali ta’ Ħal Luqa li jidhru fil-Programm ta’ Bini ta’ Toroq Residenzjali 2006-2008 sa’ l-aħħar tas-sena. 

Waqt żjara li għamel fuq il-lant tax-xogħol fi Triq Ġanni Vassallo dalgħodu, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li fl-aħħar sitt xhur il-Gvern ser ikun investa mas-Lm70,000 (mal-€163,056) biex jibni erba’ toroq li jidhru f’dan il-Programm. Dawn huma Triq Ġanni Vassallo, Triq Dun Ġużeppi Micallef u Triq l-Ekru li qed jinbnew bħal issa permezz ta’ period contract li ħareġ fi tmiem Diċembru. Ma’ dawn hemm ukoll Misraħ iż-Żgħażagħ  u parti minn Triq Ġużeppi Saliba li tlestew ftit ġimgħat ilu. 

“B’hekk ikun għad fadal biss x’jinbnew erba’ toroq f’din il-lokalità sabiex tkun twettqet il-wegħda tal-Gvern li jibni t-toroq residenzjali kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu. Triq Patri Indrí Schembri, Triq Sebastjanu Saliba, Triq Pietru Saliba u Triq Ġużeppi Ellul ser ikunu qed jinħarġu f’period contract ieħor hekk kif jitlesta x-xogħol fuq it-toroq li qed naraw illum,” qal il-Ministru Mugliett. 

Hu saħaq li l-Gvern ser jibni Triq Ġużeppi Ellul kollha mill-ġdid minkejja li lejn tmiem is-sajf li għadda, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa wettaq xogħol ta’ resurfacing f’ parti minn din it-triq bi spiża ta’ madwar Lm9,000 (€20,946). Dan sar minkejja li l-Kunsill kien jaf li din it-triq kienet diġà inkluża fil-programm tal-Gvern Ċentrali li kien ippubblikat f’Awissu tas-sena l-oħra. Il-Ministru Mugliett qal li dan ix-xogħol tant sar ħażin li ħoloq problemi ta’ qlib ta’ l-ilma, u dan b’detriment għar-residenti li joqgħodu fil-parti ta’ fuq tat-triq. 

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq spjega li Ħal Luqa huwa wieħed mill-aktar lokalitajiet li qed igawdu mill-investiment qawwi tal-Gvern fit-titjib tat-toroq arterjali u distributorji ta’ pajjiżna.  

“Ħal Luqa qiegħed fit-tarf ta’ l-akbar proġett ta’ toroq li qatt ra pajjiżna - il-proġett tat-toroq tal-Protokoll Taljan. Dan il-proġett kellu effett pożittiv fuq ir-residenti ta’ Ħal Luqa, speċjalment dawk li joqgħodu matul Triq Ħal Qormi fejn issa hemm service road li tissepara r-residenti mit-traffiku li jgħaddi mill-korsija prinċipali. Is-service road qed tiffaċilita ukoll l-aċċess għad-diversi stabbilimenti kummerċjali li hemm ibbażati matul din it-triq.” 

Il-Ministru kompla jgħid: “Ir-raħal ta’ Ħal Luqa jinsab ukoll ma’ ġenb ir-rotta numru wieħed - li hija ix-xewka ta’ toroq ewlenin li taqsam il-gżira miċ-Ċirkewwa sa’ Birżebbuġa.”  

“F’Settembru tlesta l-proġett ta’ Vjal l-Avjazzjoni Ċivili li tejjeb l-ambjent li wieħed isib huwa u ħiereġ mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Issa ser indawwru ħarsitna lejn il-bqija tar-rotta numru wieħed biex din tittejjeb għal livell li jixraq lil pajjiż Ewropew. Wieħed mill-ewwel proġetti li qed nipproponu għal finanzjament taħt il-Fond ta’ Koeżjoni huwa l-bini mill-ġdid u t-titjib ta’ Triq il-Kunsill ta’ l-Ewropa. 

“Minbarra li titwessa’ għal żewġ karreġġjati sħaħ f’kull direzzjoni biex din toffri aktar sigurtà għal kull min jużaha, fil-proġett ser ikun hemm inkluż ukoll landscaping estensiv fuq iż-żewġ naħat tat-triq sabiex jittejjeb l-ambjent mitluq li hemm matulha.”  

“Dan il-landscaping kif ukoll it-titjib tal-ġometrija tat-triq li ser inaqqas l-ammont ta’ traffiku li bħalissa jinġema mar-roundabout tad-“Dinitrol” ser iwassal għal titjib fl-ambjent u l-kwalità tal-ħajja li jgawdu r-residenti fit-toroq tal-madwar,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow