‘PERMEZZ TAL-PUBBLIKAZZJONI TA’ L-EWWEL ENTREPRENEURSHIP BASE DOCUMENT (MALTA) IL-GVERN IRID IKOMPLI JTEJJEB L-GĦAJNUNA LI JAGĦTI LIN-NEGOZJI ŻGĦAR” – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
“L-iżvilupp tal-politika imprenditorjali teħtieġ ukoll ir-riċerka u l-innovazzjoni tagħha. Dan id-dokument ta’ riċerka huwa dokument ferm importanti sabiex jgħin lil dawk kollha f’pajjiżna li huma nvoluti fil-proċess ta’ żvilupp tal-politika imprenditorjali ta’ pajjiżna. Il-Gvern, permezz tal-Malta Enterprise (Small Enterprise Directorate) u l-Euro Info Centre, ikkummissjona din ir-riċerka biex ikun aktar konxju tal-ħtiġijiet ta’ min huwa negozju żgħir f’pajjiżna. Dan ir-rapport illum qed isir dokument pubbliku li ser jgħin lil kull entita’ li għandha dmir li tiżviluppa l-politika imprenditorjali biex tkun aktar konxja tal-ħtiġijiet tan-negozji żgħar.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, kien qiegħed jitkellem waqt il-preżentazzjoni ta’ l-ewwel Entrepreneurship Base Document li ġie mfassal.
Biex tnieda dan ir-rapport, sar stħarriġ ma’ numru ta’ persuni self-employed minn Malta u Għawdex. L-objettivi tar-riċerka li saret kienu biex tiġi analizzata is-sitwazzjoni preżenti u ġejjiena ta’ l-imprendituri u negozji ġodda f’Malta. B’dan il-mod, il-Gvern ikun jista’ jifhem aħjar il-bżonnijiet u d-diffikultajiet tagħhom. Ir-riċerka ffukat ukoll fuq l-impatt ta’ miżuri ta’ għajnuna u inizjattivi oħra li jingħataw minn istituzzjonijiet Maltin, kemm pubbliċi kif ukoll privati, u turi n-nuqqasijiet ta’ dawn il-miżuri fl-opinioni ta’ l-imprendituri.
Id-definizzjoni ta’ ‘imprenditur’ li ntużat għall-iskop tar-riċerka li saret biex tħejja dan ir-rapport kienet ibbażata fuq erba’ kriterji: individwji li fetħu n-negozju tagħhom; li jieħdu r-riskji; li huma pro-attivi; u li huma kreattivi u/jew innovattivi.
Ir-riżultati ta’ l-istħarriġ ġew spjegati fi preżentazzjoni li ngħatat min Ms Marika Fsadni li tat il-punti ewlenin tar-rapport. Preżenti kien hemm rappreżentanti minn numru ta’ Entitajiet u Awtoritajiet, Organizzazzjonijiet tan-negozju u persuni self employed.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo spjega li “l-Gvern huwa impenjat li jtejjeb u li jkun innovattiv fil-mod ta’ kif jirrispondi għall-ħtiġijiet tan-negozji ż-żgħar tagħna. Ma jistax ikollna politika innovattiva bla riċerka. Fih innifsu dan ir-rapport huwa eżerċizzju ta’ konsultazzjoni xjentifika u akkademika li qed tgħin biex ikollna stampa ċara ta’ x’qed tkun ir-realta’ taċ-ċirkustanzi li qed jaħdmu fihom in-negozji żgħar tagħna.
“Jiena inħeġġeġ lill-partiti politiċi li mhux biss jikkummentaw dwar il-pożittiv jew in-negattiv ta’ dan ir-rapport, iżda li jippermettu li r-rapport ikun ta’ gwida għall-iżvilupp tal-viżjoni politika ta’ kif ser jirrispondu għall-ħtiġijiet ta’ min huwa żgħir fil-kummerċ. Inħeġġeġ li kull entita’ organizzata li tirrappreżenta settur kummerċjali li tistudja bir-reqqa’ dan id-dokument ta’ riċerka u tifhem aħjar ir-realta’ ta’ l-imprenditorija f’pajjiżna. Bħala Gvern jiena ser nara li dan id-dokument, flimkien ma’ eżerċizzji oħra ta’ riċerka, iservu biex il-Gvern jibqa’ jaġġorna l-poltika tiegħu u hekk il-politika u d-deċiżjonijiet tal-Gvern jibqgħu joffru l-aħjar soluzzjonijiet għall-ħtiġijiet tan-negozji żgħar f’pajjiżna u jkomplu jinħolqu aktar impjiegi.
“Dan id-dokument ser ikun għodda importanti għall-Gvern, li ser ikun qiegħed jużah bħala l-bażi ta’ eżerċizzju ta’ konsultazzjoni iżjed wiesgħa li għandu jwassal għall-preparazzjoni preliminarja tal-Pjan ta’ Ħidma ppubblikat mis-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed għas-sena politika li ġejja (Ġunju 2007 – Ġunju 2008). B’dan il-mod, il-ħidma tal-Gvern għas-settur kummerċjali tkun imfassla fuq dak li verament jeħtieġu n-negozji ż-żgħar, u b’hekk il-Gvern ikollu l-aħjar pjan ta’ ħidma fl-implimentazzjoni tal-politika imprenditorjali.
“Il-Gvern iħares ukoll b’fiduċja lejn ġejjieni pożittiv, għaliex jemmen li kapaċi jkun Gvern innovattiv fil-politika tiegħu ladarba huwa konxju li d-deċiżjonijiet qed jeħodhom fuq ir-riċerka li qiegħda issir bis-serjeta’.”
Fit-tmien tad-diskors tiegħu, l-Onor. Vassallo faħħar din l-inizjattiva tal-Malta Enterprise (Small Enterprise Directorate) u l-Euro Info Centre, u wera s-sodisfazzjon tiegħu li llum il-Malta Enterprise (Small Enterprise Directorate) hi mgħarufa bħala għodda importanti li permezz tagħha l-Gvern qiegħed iwassal l-għajnuna tiegħu lil diversi setturi ta’ negozji, speċjalment dak tan-negozji ż-żgħar. Hu qal li “huwa fatt li f’pajjiżna qiegħed isir ħafna xogħol favur in-negozji ż-żgħar, iżda din ir-riċerka tpoġġi quddiemna sfidi ġodda. Jeħtieġ li nkomplu naħdmu biex intejjbu t-tajjeb tagħna u naraw li pajjiżna jkollu ferm u ferm aktar persuni li jgħarrfu jaħdmu aħjar biex f’pajjiżna jitjieb s-sehem ekonomiku tan-negozji tagħna. Biex naslu għal dan is-suċċess, neħtieġu nwessgħu il-ħidma li diġa’ qed tħalli riżultati tajba.”
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959