Left arrow Go Back

L-ISTAĠUN TAL-KAĊĊA U L-INSIB FIR-REBBIEGĦA

PR0286
Date Icon 26/02/2007

Il-kumitat ORNIS li ltaqa’ akar kmieni llum irrakkomanda li jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa u l-insib bejn l-1 April u 10 ta’ Mejju għas-summien, u bejn l-10 t’April u l-20 ta’ Mejju għall-gamiem.   Il-Gvern jaqbel mar-rakkomandazzjoni li jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa pero fil-jiem li ġejjin se jkun qed jeżamina l-proposta tal-kumitat Ornis dwar id-dati ta’ l-istaġun u d-deċiżjoni tkun ikkomunikata fil-jiem li ġejjin. 

Fl-istess waqt il-Kabinett tal-Ministri llum stess qabel fuq numru ta’ emendi li għandhom l-għan li jwettqu fil-prattika infurzar kontra l-abbuż fil-kaċċa.  Dan intqal mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li matulha ta dettalji dwar l-aħħar żviluppi fuq kaċċa u nsib. 

Il-Ministru Pullicino qal li jrid ikun enfasizzat li kaċċa fir-rebbiegħa tikkonċerna żewġ speċi biss, jiġifieri l-gamiem u s-summien, li la huma protetti u lanqas qeghdin fil-periklu ta’ estinzjoni. 

George Pullicino fakkar kif il-Gvern għandu l-mandat tal-poplu biex jassigura kaċċa u insib sostenibbli.  Hu qal li kemm fir-referendum kif ukoll fl-elezzjoni ġenerali l-poplu vvota għal programm li kien jinkludi dan l-impenn tal-Gvern.  Hu fakkar ukoll li fil-Pożizzjoni Komuni (Kapitlu 22 – Ambjent) bejn Malta u l-Unjoni Ewropea maqbula u ffirmata bejn iż-żewġ naħat fis-27 ta’ Settembru 2002, kien intqal li:  “L-Unjoni Ewropea innutat l-istqarrija ta’ Malta li hija se tillimita t-teħid ta’ għasafar fir-rebbiegħa għal żewġ speċi biss: Streptopelia turtur [gamiem] u Coturnix coturnix [summien], bħala applikazzjoni tad-deroga taħt Artiklu 9 tad-Direttiva.    

Pullicino qal li li l-Gvern Malti, kif kien riaffermat għal diversi drabi, iqis il-pożizzjoni tiegħu li japplika d-deroga skond Artiklu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar bħala waħda ġustifikata u skond il-parametri tad-Direttiva ta' l-Għasafar.  Il-Gvern huwa lest li jiddefendi dan id-dritt anke quddiem il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja.  Id-Direttiva tippermetti lil kull Stat Membru li jimplimenta d-deroga abbażi ta' evidenza xjentifika u għal dan il-għan il-Gvern Malti ikkummissjona studju.

Pullicino tenna li l-Gvern huwa mpenjat u se jibqa’ mpenjat sabiex filwaqt li jiddefendi l-kaċċa legali, jiġġieled b’saħħtu kollha l-kaċċa llegali.  Hu qal li l-akbar għadu għad-delizzju tal-kaċċaturi huma l-kaċċaturi li jabbużaw.  Huma dawn l-abbużi li jagħmlu mhux biss ħsara lid-delizzju tal-kaċċa iżda anke lill-isem ta’ pajjiżna.  Pullicino qal li fil-granet li ġejjin se ssir laqgħa kkordinata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru sabiex ikun hemm rispons aktar effettiv kontra abbużi fil-kaċċa u l-insib. 

Hu qal li wara sensiela ta’ laqgħat li uffiċjali mill-Ministeru kellhom mal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) u l-Birdlife Malta, fuq bidliet tar-Regolamenti tal-Kaċċa (Avviż Legali 79 ta’ l-2006), tressqu numru ta’ proposti għal emendi quddiem il-Kabinett.  Pullicino ħabbar li fost il-bidliet approvati  mill-Kabinett dalgħodu kien hemm żieda fil-multi u l-pieni sabiex min  jikser ir-regolamenti jkollu prezz ferm aktar għoli xi jħallas. 

Iż-żidiet fil-pieni ġew proposti mill-Birdlife Malta iżda l-Ministru Pullicino  esprima l-fiduċja tiegħu li dawn l-emendi għandhom isibu wkoll l-appoġġ tal-kaċċaturi serji, inkluż tal-mexxejja tal-FKNK.   Permezz ta’ l-emendi:

Ø    IL-QORTI GĦANDHA S-SAĦĦA TIRREVOKA B’MOD PERMANENTI L-LIĊENZJI TA’ L-ARMA KIF UKOLL TAL-ĠARR TA’ L-ARMA GĦAL MIN HU RIĊEDIV;

Ø    IL-PIENI FUQ OFFIŻI MAĠĠURU ĠEW IRDUPPJATI U ISSA SE JIBQGĦU TELGĦIN SA’ LM6,000;

Ø    SENTENZI TA’ PRIĠUNERIJA LI JITILGĦU SA’ SENTEJN;

Ø    IL-QORTI TISTA’ TIKKONFISKA KEMM L-ARMA KIF UKOLL TIRREVOKA L-LIĊENZJA TAL-ĠARR TA’ L-ARMA. 

Emenda oħra importanti maqbula mill-Kabinett hija proposta oħra tal-Birdlife li fuqha wkoll qabel il-Ministeru u li permezz tagħha issa ma jistax isir ġarr u użu ta’ arma tan-nar f’area sa’ 50 metru bogħod minn bajjiet pubbliċi.  Din l-emenda tikkumplimenta r-regolamenti eżistenti li diġa kienu jipprojbixxu l-ġarr u l-użu ta’ l-arma f’ċirkostanzi oħrajn. 

Il-Ministru Pullicino qal li peress li sa’ llum il-bajjiet mhumiex definiti fil-liġi Maltija, l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ħejja skeda li tiddefinixxi l-bajjiet li fihom se tidħol fis-seħħ din il-projbizzjoni.  Dawn huma l-bajjiet ta’ Paradise Bay, il-bajja ta’ l-Armier, Anchor Bay, Golden Bay, Għajn Tuffieħa u l-Ġnejna. F’Għawdex il-bajjiet huma r-Ramla l-Ħamra, San Blas, ix-Xatt l-Aħmar, Imġarr ix-Xini u l-bajja tax-Xlendi. 

Hu fakkar li lanqas ma tista ssir kaċċa f’dawk il-bajjiet li huma 50 metru ‘l bogħod minn triq prinċipali (main road) jew 200 metru minn żona urbana.  Il-Kabinett approva wkoll xi emendi wara proposti mressqa mill-FKNK foshom tibdil fid-daqs taċ-ċomb li hija intiża biex tikkoreġi anomalija li kien hemm fir-regolamenti eżistenti kif ukoll klassifikazzjoni aktar definita ta’ l-għasafar li jistgħu jkunu kkaċċjati fuq l-art u dawk li jistgħu jkunu kkaċċjati fuq il-baħar. 

Saret emenda ohra fejn il-perjodu ta’ żmien li jrid jgħaddi bejn ir-rakkomandazzjoni tal-ORNIS u l-ftuħ ta’ l-istaġun, issa minn sitt ġimgħat se jsir erba’ ġimgħat.  Hemm ukoll xi emendi sabiex  jiġu ċċarati l-istess regolamenti. 

Il-Ministru Pullicino qal li dawn l-emendi ghandhom jibghatu messagg wiehed: IL-GVERN MHUX SE JITTOLLERA EBDA ABBUŻ MINN MIN MHUX LEST LI JIMXI MAL-LIĠI.  Il-Qorti qed tingħata l-fakulta’ ta’ pieni eħrex li għandhom iservu ta’ deterrent akbar għal min jabbuża.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow