KONFERENZA NAZZJONALI – “LI TITGĦALLEM QATT MHU TARD WISQ”: IL-ĠENITURI INFORMATI U ATTIVI FL-EDUKAZZJONI
“Il-Gvern hu determinat li jara li l-ġenituri jsiru protagonisti aktar informati u attivi fl-iżvilupp edukattiv ta’ uliedhom u tagħhom infushom għaliex dan l-aktar li għandu impatt posittiv fuq it-trawwim ta’ soċjeta` b’impenn lejn it-tagħlim. Waħda mill-funzjonijiet l-aktar importanti li l-liġi l-ġdida dwar l-edukazzjoni tagħti lill-Kulleġġi ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat hi li jippromwovu t-tisħib tal-ġenituri fl-iżvilupp ta’ l-iskola u fl-esperjenza edukattiva ta’ uliedhom u joħolqu sħubija effettiva bejn l-iskola u d-dar.” Dan sostnieh Louis Galea, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, meta indirizza Konferenza li għaliha attendew mijiet ta’ ġenituri. Il-Konferenza kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Permanenti Frans Borg, id-Direttur Generali Cecilia Borg, u Werner van Katwijk, Segretarju Generali tal-European parents Association. Il-Konferenza Nazzjonali hi konfinanzjata mill-Unjoni Ewropea u qed issir fil-Lukanda Dolmen Resort, il-Qawra.
Għal din il-Konferenza qed jattendu aktar minn 650 persuna bejn edukaturi, ġenituri, u professjonisti oħrajn li għandhom għal qalbhom it-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll il-pubbliku ġenerali. Is-Sur Borg qal li “Jekk mhux se nifhmu ilkoll li t-tagħlim tul il-ħajja mhux lussu imam bżonn se naqgħu lura kemm bħala individwi kif ukoll bħala pajjiż. Għalhekk qieghdin hawn biex aħna nifhmu aħjar x’qed jippreżentalna l-futur u biex nrawwmu fina dan l-għatx għat-tagħlim.” Hu tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni tat-tagħlim f’pajjiżna. “Bħalissa 2000 familja qed jitħarrgu mill-FES f’7 lokalitajiet differenti, 9000 student f’MCAST, 10,000 fl-Universita. 9,000 qed jattendu l-korsijiet ta’ filgħaxija, 1000 student fl-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi (ITS) u kważi 70 % ta’ dawk li għalqu is-sittax-il sena qed ikomplu jitgħallmu.” Hu qal li dan hu xhieda ta’ impenn tagħna favur edukazzjoni aħjar iżda qal li pajjiżna għad għandu sfidi kbar x’jiffaċċja għall-futur jekk irridu inkomplu ingawdu livell ta’ ħajja mill-aqwa. Is-Sur Borg tenna li “L-istudenti huma aħna lkoll. Aħna li rridu ngħarfu kuljum il-ħiliet, il-limitazzjonijiet u l-htiġijiet tagħna, li nfittxu l-informazzjoni meħtieġa, u nużaw l-ħiliet, l-esperjenzi u l-għerf li nkunu ksibna b’mod produttiv. Dan jitwettaq fi sfond ta’ tmewwin fina nfusna u fiduċja fil-ħiliet tagħna. Hekk biss nistgħu ndawwru l-biża u l-inertia f’opportunitajiet u sfidi”
Il-Konferenza kompliet illum b’introduzzjoni dwar l-importanza tat tagħlim tul il-ħajja. Fid-diskors ewlieni, is-Sur Sandro Spiteri ta ħarsa dettaljata dwar x’nifhmu b’edukazzjoni tul il-ħajja u l-importanza mhux biss ta’ edukazzjoni formali iżda wkoll ta’ edukazzjoni informali u non-formali. Is-Sur Spiteri tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali partikolarment għal dawk li diġa’ qiegħdin fid-dinja tax-xogħol. Il-konferenza kompliet b’diskussjonijiet animati mill-ġurnalista Godfrey Grima ma tliet persuni midħla tal-qasam edukattiv u tat-tagħlim tul il-ħajja. Is-Sur Anthony Degiovanni tkellem dwar l-edukazzjoni bħala mixja kontinwa u mhux biss bħala xi ħaġa li tintemm malli noħorġu mill-iskola. Is-Sinjura Maria Pia Chircop tkemmet dwar il-bżonn li nibqgħu nitgħallmu biex nibqgħu rilevanti fuq il-post tax-xogħol tagħna u kif l-edukazzjoni trid issir parti mix-xogħol li nagħmlu. Brother Saviour Gatt qal li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta li nagħtu lit-tfal tagħna biex dawn ikunu jistgħu jiftħu l-bibien tal-futur tagħhom. Is-Sur Werner Katwijk, Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ġenituri, tkellem dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fil-proċess tat-tagħlim. Sessjoni oħra tmexxiet mis-Sinjura Angela Agius bit-tema Li Titghallem…. Esperjenza hajja.
Wara nofsinhar id-delegati inqasmu f’diversi workshops trattaw: l-Edukazzjoni Bikrija; L-Ugwaljanza fil-Kisba tat-Tagħlim; Id-Dinja tax-Xogħol; L-Edukazzjoni Inklussiva; Ħiliet, kompetenzi jew informazzjoni?; u dwar kif l-Ġenituri jistgħu jagħmlu differenza.
Din il-Konferenza torbot lil pajjiżna ma’ mixja ta’ ħsieb madwar l-Ewropa kollha, u li qed jingħata spinta ġdida mill-presidenza Ġermaniza li bħalissa qed tmexxi l-Unjoni. Kull ma jmur aħna l-Ewropej qed ikollna iktar bżonn, li nibqgħu naġġornaw lilna nfusna permezz ta’ ċiklu permanenti ta’ edukazzjoni formali u nformali.
Il-Ministru Louis Galea faħħar l-impenn tal-ġenituri Maltin u Għawdxin fl-edukazzjoni ta’ uliedhom. Huwa qal li kien bis-saħħa ta’ din l-għira għat-taghlim li l-poplu tagħna setgħa jikseb daqstant progress fil-ħajja ekonomika u soċjali tiegħu. “Iżda issa għandna sfida kbira oħra, dik li nassiguraw edukazzjoni ta’ l-ogħla kwalità u nassigurawha għal kulħadd. Il-Gvern bil-ħidma tiegħu diġa` irreġistra progress kbir, iżda jonqos ħafna aktar xogħol li jrid isir id f’id mal-ġenituri, l-għalliema u l-istituzzjonijiet tat-tagħlim u t-taħriġ.”
Louis Galea fisser li ftit xhur ilu l-Parlament għadda l-liġi li ħolqot bażi ġdida għall-organizazzjoni ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat fi ħdan Kulleġġi. “S’issa waqqafna sebgħa minn għaxar Kulleġġi li ġabru fihom numru sew ta’ skejjel primarji u sekondarji fi proċess ta’ sħubija. Dan il-proċess għadu fil-bidu tiegħu. Qed naħsbu għal aktar miżuri u aktar għodda u appoġġ biex nassiguraw li l-Kulleġġi jkunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet li tajnihom bil-liġi.”
Il-Ministru fisser li skop fondamentali tal-Kulleġġi hu li jiżguraw li l-istudenti fdati fl-iskejjel jirċievu d-dritt tagħhom fl-edukazzjoni skond il-potenzjal tagħhom fi proċess sħiħ ta’ edukazzjoni, kontinwa u bla skossi, minn eta` bikrija sa tmiem l-edukazzjoni obbligatorja f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja.
“L-għixien u l-kwalità tal-ħajja llum saru jiddependu bil-kbir fuq kemm il-bniedem jiżviluppa l-ħiliet u t-talenti tiegħu. Qatt daqs illum fl-istorja tal-bniedem ma konna daqshekk konxji u anzjuzi biex nassiguraw li uliedna lkoll jitgħallmu, jitħarrġu u jirnexxu. L-iżviluppi u l-avvanzi fix-xjenzi, t-teknoloġija u fis-soċjetà ġabuna wiċċ imb’wiċċ ma’ sistema ġdid ta’ l-edukazzjoni. Mhux aktar edukazzjoni biex insibu impieg partikolari. Iżda edukazzjoni tul il-ħajja. Mhux aktar edukazzjoni fejn l-istudenti jassorbi bħal sponza l-informazzjoni. Iżda edukazzjoni fejn l-istudent jiġi mgħallem u mħarreġ kif japprezza l-bżonn tat-tagħlim u jkun jaf ikompli jitgħallem waħdu fil-bqija ta’ ħajtu, bit-tħaddim tat-teknoloġija ta’ l-informatika u l-kommunikazzjoni. Mhux aktar edukazzjoni fil-klassi biss, iżda edukazzjoni f’kull post u f’kull ħin.”
Il-Ministru Galea qal li l-Gvern qed jaħdem biex jittrasforma l-edukazzjoni minn dik tas-seklu l-ieħor għal dak li hu meħtieġ fis-seklu l-ġdid. “F’dan kollu aħna l-ġenituri għandna sehem ħafna aktar milli kellna il-bieraħ. Malta qatt ma kellha daqstant ġenituri edukati f’diversi livelli sa l-ogħla livelli daqskemm għandha issa u n-numru qiegħed ikompli jiżdied b’rata mgħaġġla. Min naħa l-oħra l-ġenituri llum qed jaffaċċjaw sfida diffiċli ħafna biex nibbilanċjaw l-enerġija tagħna fuq il-post tax-xogħol ma’ l-enerġija meħtieġa għat-trobbija u l-edukazzjoni ta’ l-uliedna. Bħallikieku dan ma kienx diġa` kumplikat biżżejjed, qed naffaċċjaw ukoll l-isfida ta’ soċjeta` li inbidlet u ġabet magħha stili ta’ ħajja, divertiment, TV’s, kompjuters, u internet li qed jaħkmu liż-żgħażagħ tagħna u jaljenawhom mill-isforzi essenzjali għall-iżvilupp tagħhom.”
Il-Ministru Louis Galea qal li l-Gvern hu qrib ħafna dak kollu li jħossu u għaddejjin minnu l-ġenituri. “Hu għalhekk li qed inpoġġu f’postha riforma fl-edukazzjoni ta’ pajjiżna. Filwaqt li aħna nemmnu li l-ewwel u l-aqwa dmir għall-edukazzjoni ta’ l-ulied hu tal-ġenituri, l-Gvern il-ħin kollu jaħdem biex jappoġġja u jerfa` kemm jista` f’din l-akbar missjoni li għandna.” Il-Ministru Galea spjega l-investiment ta’ Lm 126 miljun (€ 293.5 m) li l-Gvern qed jagħmel din is-sena biss fl-edukazzjoni. Huwa fisser li qed jittieħdu l-passi biex jitwaqqaf id-Direttorat għall-Kwalita` u l-Standards fl-Edukazzjoni bl-iskop li l-iskejjel ikollhom għajnuna u kejl aħjar fl-edukazzjoni ta’ l-istudenti. “Qed nieħdu wkoll passi biex inwaqqfu d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi għaliex irridu nsaħħu l-appoġġ u s-servizzi li għandhom bżonn l-għalliema u l-istudenti.”
“Jekk tassew tħobbu l-uliedkom irridukom taħdmu id f’id magħna biex ikollna l-aħjar ambjent ta’ rispett u dixxiplina fl-iskejjel. Qalbi tingħafas bil-kbir meta nisma b’inċidenti ta’ imġieba ħażina, indixxiplina u, wisq agħar, vjolenza fiżika jew morali. Aħna nikkundannaw kull każ u nieħdu l-passi kollha li jkun hemm bżonn. Irridukom taħdmu magħna biex inxejjnu l-bullying fejn jerfa` rasu fl-iskejjel tagħna. Fir-riforma qed naħsbu li nsaħħu s-servizzi ta’ counselling, dixxiplina, gwida għall-karrieri u servizzi psiko-socjali li studenti, għalliema u ġenituri jistgħu jiġu bżonn.”
Il-Ministru Louis Galea fisser il-ħidma tal-Gvern permezz ta’ l-FTS biex jagħti lill-istudenti skejjel ġodda, sbieh, moderni u mgħammra bl-aħjar apparat. “Bħalissa l-Gvern jinsab impenjat fil-bini ta’ ħames skejjel ġodda, apparti xogħol ta’ estensjoni ta’ skejjel, bini ta’ swali u żvilupp ta’ faċilitajiet sportivi. Il-Gvern irid li dan l-investiment ta’ miljuni ta’ liri ma jintużax mill-istudenti biss waqt il-ħin ta’ l-iskola, iżda mill-komunità kollha anke wara l-ħin ta’ l-iskola.”
Il-Ministru Galea irrefera għall-ħidma li qed iwettqu d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, l-Kapijiet u l-għalliema fl-iskejjel b’riżultati li l-ħin kollu qed jitjiebu. Huwa rrefera wkoll għall-aġġornament li qed jitħejja fis-sistema ta’ l-eżamijiet u ta’ l-assessment tal-ħidma ta’ l-istudenti fl-iskejjel tagħna. “Jekk tassew irridu li uliedna jirnexxu lkoll, jeħtieġ ngħarfu u nivvalorizzaw il-ħiliet diversi ta’ uliedna u li mhux ilkoll niżviluppaw bl-istess pass u metodu. L-iskejjel għandhom il-missjoni li ma jħallu lil ħadd jaħbi t-talenti li jkollu u jridu jinfetħu għad-diversità tat-talenti tat-tfal kollha. F’Malta għandna skejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja u skejjel Indipendenti ta’ l-aqwa fama li qed jagħmlu suċċess bi strateġija ta’ tagħlim li tilħaq id-diversità tat-tfal. M’għandhomx ikunu il-ġenituri li b’nuqqas ta’ informazzjoni jew bi preġudizzji jikkundannaw lil xi ħadd minn uliedhom għaliex fl-edukazzjoni jimxi b’pass differenti minn ulied ħadtieħor. “L-isfida ta’ kull ġenitur u ta’ kull għalliem hi li tħares lejn kull wild, kull student mill-lenti personali u tiskopri ċ-ċavetta tas-senduq tal-potenzjal ta’ dak il-wild, student. Ikun x’ikun dan il-potenzjal, aħna imħarrġa u imħallsin biex mhux noħonquh, naħluh, iżda noħorġuh sal-limitu possibbli.”
Il-Ministru Louis Galea temm jgħid li dawn huma fost l-ingredjenti l-aktar importanti biex inrawwmu soċjeta` b’impenn lejn it-tagħlim u li tħaddan sistema edukattiva ta’ tagħlim tul il-ħajja.
DOI 25.02.2007
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959