Il-Ministru Debono u l-ministru cristina jinawguraw kumpless sportiv f’kerċem, għawdex
Żgur li l-proġett tal-Kunsill Lokali ta’ Kerċem bi sħab mal-Ministeru għal Għawdex huwa eżempju ċar tal-viżjoni ħolistika ta’ dan il-Gvern għal żoni residenzjali tal-Gvern madwar Malta u Għawdex.
Dan qalitu l-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, meta kienet qed tinawgura l-kumpless sportiv “Raymond Mercieca” flimkien mal-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono.
“Il-proġett huwa xiehda tal-kollaborazzjoni li għandu jkun hemm bejn il-Gvern Ċentrali u l-Kunsill Lokali tal-post biex b’hekk ir-residenti jkunu jistgħu jgawdu minn ambjent san u sabiħ. Illum jiena qegħda hawnhekk għaliex permezz tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar li jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħi u ta’ investiment ta’ kważi Lm 17,000 (€39,599.35) sar xogħol biex in-nies tal-Kerċem ikunu jistgħu jgwadu minn playing field għat-tfal tagħhom. Iżda bi pjaċir ninnota li dan il-proġett huwa ħafn’aktar wiesa’ minn hekk għaliex, permezz ta’ investiment kemm ta’ art, ta’ materjal, kif ukoll riżorsi umani, il-Kunsill ta’ Kerċem flimkien mal-Gvern ħejjew kumpless ferm sabiħ fejn insibu ground tal-football, klabb tal-football tal-Kercem Ajax, futsal pitch, tennis court, u żewġ pitches tal-boċċi,” kompliet il-Ministru Cristina. “Dan huwa proprju dak li qed jimmira li joħloq dan il-Gvern fil-komunitajiet tagħna, jiġifieri, postijiet sbieħ u miżmumin kif jixraq fejn il-membri tal-familja, ġenerazzjonijiet differenti, anzjani, adulti, tfal u żgħażagħ, ikunu jistgħu jiltaqgħu u jieħdu gost flimkien.”
Il-Ministru Cristina fakkret li l-Gvern qed jinvesti eluf ta’ liri f’xogħolijiet ta’ landscaping fiż-żoni residenzjali tal-Gvern madwar Malta u Għawdex li, permezz ta’ xogħolijiet ta’ natura differenti, b’mod ħolistiku jtejbu l-kundizzjonijiet għall-familji li jgħixu fil-madwar. Hija fakkret f’żewġ proġetti oħra li rajna fi Frar ta’ din is-sena, ġnien li nfetaħ fil-Mellieħa u proġett ta’ bankini fil-Iklin. Hekk bil-proġett tal-playing field ta’ Kerċem dawn it-tlett proġetti raw investiment mill-Gvern ta’ kważi Lm 188,000 (€437,922.20) f’dan ix-xahar. Il-Ministru semmiet kif, mill-1998 sa’ l-2010, permezz tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar, il-Gvern ser ikun nefaq aktar minn Lm 10.5 miljuni (€24,458,420.68) sabiex jintlaħqu dawn il-miri għaż-żoni residenzjali tal-Gvern u b’hekk, b’mod konkret, inkomplu ntejbu l-ħajja għall-familji Maltin u Għawdxin.
F’diskors qasir ta’ l-okkażjoni, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex tkellmet dwar l-importanza tal-kunsilli lokali fit-tfassil ta’ inizjattivi li jolqtu b’mod dirett lir-residenti tal-lokalitajiet u rreferiet għad-diversi proġetti li daħal għalihom il-Kunsill Lokali ta’ Kerċem f’dawn l-aħħar snin biex ikompli jipprovdi iktar servizzi qrib tal-poplu fir-raħal tiegħu stess. B’mod partikolari l-Ministru Debono tkellmet dwar il-proġett tal-bini ta’ Ċentru Ċiviku f’dan ir-raħal li għandu jservi l-għan ta’ post li minnu jiġu pprovduti għadd ta’ servizzi, fosthom servizzi ġodda, mill-Kunsill Lokali filwaqt li rreferiet għall-għadd ta’ inizjattivi li ttieħdu mill-istess kunsill fosthom il-ġemellaġġ ma’ Orvieto, it-twaqqif ta’ website ġdida u t-tkabbir tal-librerija minbarra l-għadd ta’ proġetti ta’ titjib fl-infrastruttura fiżika tal-lokal, fosthom fl-inħawi ta’ l-Għadira ta’ San Raflu u f’Wied il-Lunzjata. Il-bini ta’ Kumpless Sportiv fl-istess inħawi taċ-Ċentru Ċiviku u tal-faċilitajiet l-oħra sportivi li twaqqfu fl-aħħar snin ifakkru l-ħidma kordinata bejn il-Kunsill Lokali u l-Gvern Ċentrali. Il-Ministru Debono kkonkludiet billi qalet li dawn il-faċilitajiet ġodda ser ikunu ħolqa oħra importanti biex iservu ta’ ċentru ħaj għal dan ir-raħal, li jħaddan fi ħdanu għadd ta’ familji żgħar, u li maż-żmien qiegħed dejjem jikber fil-popolazzjoni tiegħu.
Il-Kumpless Sportiv ġie inawgurat mill-Ministru Debono u l-Ministru Cristina u ssemma għal Raymond Mercieca. Huwa kien missier żgħażugħ u benefattur kbir ta' diversi għaqdiet tar-raħal ta’ Kerċem. Għamel żmien President tal-Kerċem Ajax FC u fi żmienu t-tim kien rebaħ diversi unuri. Kien ukoll wieħed mill-fundaturi kif ukoll l-ewwel President ta’ l-Għaqda Mużikali San Girgor. Wara li temm il-kariga tiegħu ta' President tal-Banda, ħadem u stinka biex fir-raħal jkollhom Futsal Pitch (5-a-side football). Dan sar fil-Kumpless Sportiv li ġie inawgurat u fil-fatt huwa wkoll kien il-President ta' din l-organizzazzjoni. Is-Sur Mercieca ħalla lil sħabu Kerċmin fl-età ta' 39 sena. Jibqa’ msemmi għall-għajnuniet kbar li ta lill-għaqdiet filantropiċi f'Għawdex.
Il-Ministru Debono u l-Ministru Cristina temmew billi rringrazzjaw lill-Kunsill ta’ Kerċem u awguraw li l-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-amministrazzjonijiet lokali tkompli fi triqitha lejn servizz dejjem aħjar b’riżq in-nies tal-lokalità.
DOI 25.02.2007
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959