Left arrow Go Back

MARATONA TATTIRA 400 ATLETA BARRANIN

PR0272
Date Icon 25/02/2007

Il-BMW Malta Marathon u Half Marathon din is-sena daħlet fit-22 edizzjoni tagħha. Il-maratona tinżamm kull sena u mhux biss saret parti mil-kalendarju ta’ attivitajiet sportivi f’Malta iżda hi wkoll attrazzjoni turistika għaliex jikkompetu fiha atleti minn diversi pajjiżi – l-aktar mir-Renju Unit u l-Ġermanja. 

Din is-sena ser jipparteċipaw fil-BMWMalta Marathon flimkien mal-Malta Half Marathon, 860 atleta li madwar 400 minnhom huma barranin li jżuru pajjiżna sew biex jikkompetu kif ukoll biex igawdu l-klima sabiħa u sħuna ta’ pajjiżna. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, meta fix-Xatt tas-Sliema ppreżenta l-premjijiet lir-rebbieħa tal-BMW Malta Marathon u l-Malta Half Marathon, qal li s-suċċess ta’ din l-attivita’ joħroġ mill-fatt li ilha tiġi organizzata 22 sena u li matulhom kibret u saret dejjem aktar popolari mal-Maltin u l-barranin. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Gvern kien jappoġġja l-isports għaliex kien jemmen li dan  iżomm liż-żgħażagħ f’saħħithom. Hu qal li l-appoġġ lejn l-isports għandu wkoll rabta mas-settur turistiku għaliex waħda min-niċeċ turistiċi l-aktar importanti ta’ pajjiżna hi n-niċċa ta’ l-isport. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-isports jattira lejn pajjiżna qrib id-90,000 viżitatur, il-maġġoranza taghhom – madwar 50,000 – jiġu biex jgħoddsu fl-ibħra ta’ madwar Malta. Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Gvern kien qed jagħmel min  kollox biex ikabbar din in-niċċa sew għaliex il-klima tagħna hi waħda tajba u tħajjar lil min jiġi fostna għal kampijiet tax-xitwa, sew għaliex illum għandna l-infrastruttura u l-impjanti sportivi meħtieġa  kif ukoll għaliex il-qagħda strateġika ta’ pajjiżna tagħtina vantaġġ fuq pajjiżi oħra. 

Il-Ministru Zammit Dimech hawnhekk fakkar fil-kamp tax-xitwa li għamlu il-club tal-football Taljan Milan FC f’Malta. Il-Ministru Zammit Dimech qal li attivitajiet bħal din minbarra li joffru opportunita’ unika lill-partitarji ta’ timijiet kbar, jikkontribwixxu wkoll ekonomikament għal pajjiżna.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li llum pajjiżna sar ċentru mill-aktar imfittex għad-diving u għall-yachting. Hu qal li pajjiżna jitfittex ukoll għal training camps fl-atletika, il-polo, il-waterpolo u r-roti. Hu qal li dan l-aħħar Malta bdiet issir ukoll popolari ma’ dawk li jorganizzaw tigrijiet taż-żwiemel. Hu qal li pajjiżna jista’ jospita diversi  dixxiplini sportivi l-aktar fi żmien meta fl-Ewropa ta’ Fuq tkun il-kesħa u ma jkunx jista’ jsir taħriġ. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura irringrazzja lill-organizatturi tal-BMW Malta Marathon u Malta Half Marathon għall-ħidma tagħhom biex dawn it-tiġrijiet jiġu organizzati. Irringrazzja wkoll lill-isponsors u b’mod speċjali lill-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta għall-appoġġ li jagħtu lill-organizatturi. Fl-aħħarnett il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lill-kompetituri kollha li pparteċipaw filwaqt li sellem lill-parteċipanti barranin u awguralhom li tul iż-żjara tagħhom f’Malta  jiddedikaw ftit ħin biex jaraw pajjiżna x’joffri f’dik li hi storja u kultura.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow