“F’SUQ B’NEFQA TA’ KONSUM TA’ LM1.3 BILJUN (€3.03 BILJUN), HUWA MAĦSUB LI L-LIĊENZI TAN-NEGOZJI JIBDEW JINĦARĠU LIL MIN IKUN GĦADDA MINN ESPERJENZA TA’ TAĦRIĠ IMPRENDITORJALI” – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
“Il-kompetizzjoni dejjem qiegħda tiżdied, iżda qiegħda tiżdied ukoll in-nefqa tal-konsum fl-ekonomija tagħna, li f’sena qed tilħaq 1.3 biljun Lira (€3.03 biljun). Dan ifisser li għandna negozji li sejrin tajjeb ħafna, iżda għandna negozji oħra li jeħtieġ li jisfidaw il-kompetizzjoni għax m’humiex sejrin tajjeb l-istess. Hemm bżonn li ntejjbu l-kapaċita’ li nanalizzaw meta m’aħniex sejrin daqshekk tajjeb. Ma nistgħux inkattru l-ġid jekk ma jkollniex il-kapaċita’ li naħsbu fuq x’qed jiġri madwarna. Taħriġ bħal dan itina l-aħjar opportunita’ biex nitgħallmu naħsbu u nevalwaw id-deċiżjonijiet li kontinwament nieħdu fin-negozju. Jekk irridu li f’pajjiżna nżidu l-value added ta’ kull wieħed u waħda minna, rridu naraw li nersqu aktar lejn knowledge-based economy (ekonomija bbażata fuq l-informazzjoni u l-għerf). Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, qal dan waqt laqgħa li kellu ma’ numru ta’ parteċipanti fil-proġett Equal.
“Il-Kapaċita’ imprenditorjali hi għodda importanti mhux biss għal kull min qiegħed fin-negozju jew jixtieq jiftaħ in-negozju tiegħu, iżda għal kull wieħed u waħda minna fil-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk qiegħed isir sforz sabiex jingħata aktar għarfien lil din l-abbilita’ filwaqt li nxerrdu aktar il-kultura tal-ħtieġa tat-taħriġ għal min qiegħed fin-negozju jew qiegħed jitħajjar jidħol fin-negozju. Il-viżjoni tal-Gvern hi li fi żmien tliet snin mil-lum, kull min japplika għal liċenzja tan-negozju jkun irid juri li attenda għal taħriġ. Dan bil-ħsieb li min jidħol fin-negozju ma jibdiex in-negozju tiegħu sforz il-pika, iżda jibda n-negozju tiegħu wara li jkun ħaseb fuq il-viabbilita’ ta’ l-idea kummerċjali li jkollu. Fix-xogħol li nagħmlu, jkun xi jkun, il-kapaċita’ imprenditorjali tgħin biex tagħti aktar valur miżjud. Jekk inħarsu lejn in-negozju b’mod partikolari, l-imprenditorija għandha tkun parti essenzjali mit-taħriġ ta’ kull min għandu n-negozju tiegħu.”
L-objettivi tal-proġett Equal huma li jħarrġu, jgħinu u jagħtu numru ta’ grants lill-parteċipanti, li huma individwi li jixtiequ jiftħu n-negozju tagħhom. Dan il-proġett ġie kkordinat mill-iSmall Enterprise Directorate fi ħdan il-Malta Enterprise b’finanzjament ta’ l-Unjoni Ewropea. Sħab oħra fil-proġett kienu l-ETC, il-Maltese Mentoring Society (MMS), u l-Malta Association of Women in Business (MAWB).
Bħalissa fil-proġett hemm 28 parteċipant. Għaxra minn dawn il-parteċipanti marru fuq żjara (study visit) l-Irlanda, u għaxra oħra marru l-Ingilterra, fejn iltaqgħu mas-sħab barranin tal-proġett Equal. Fost is-suġġetti kien hemm Legal Aspects, Entrepreneurship Skills, National Acts and Regulations, Business Plan, Marketing, Marketing Plan, E-Business, Business Ethics, Investment and Financing u Health and Safety. Bħala parti mill-proġett ġew organizzati wkoll żjarat f’negozji Maltin. Għoxrin minn dawn il-parteċipanti ser jieħdu grant ta’ bejn LM2,000 (€4,659) u Lm3,800 (€8,852).
“Permezz ta’ dan il-proġett ta’ taħriġ, iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, aħna riedna niżviluppaw il-ħiliet ta’ numru ta’ persuni li għandhom il-potenzjal li jsiru imprendituri, bil-għan li fl-aħħar tal-proġett ikunu jistgħu jiftħu n-negozju tagħhom. Il-proġett kien immirat b’mod partikolari lejn persuni li m’humiex impjegati, kif ukoll nisa, li jixtiequ jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol. Biex pajjiżna jkun aktar kompetittiv jeħtieġ jagħraf aktar il-ħtieġa tal-kultura ta’ taħriġ, li kapaċi twassal għal knowledge-based working force, ukoll fost persuni li qegħdin fil-kummerċ.” Is-Segretarju Parlamentari awgura lil dawk preżenti li bil-parteċipazzjoni tagħhom f’dan it-taħriġ, huma qegħdin fid-direzzjoni t-tajba.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959