JIDĦLU FIS-SEĦĦ EMENDI FIL-ĦLASIJIET GĦALL-PERMESSI TA’ L-IŻVILUPP LI MINNHOM SE JIBBENEFIKAW IR-RAĦĦALA
Permezz ta’ Avviż Legali li kien ippublikat fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tal-Ġimgħa 23 ta’ Frar, 2007, daħlu fis-seħħ emendi fil-ħlasijiet għall-permessi ta’ l-iżvilupp li minnhom se jibbenefikaw ir-raħħala li għandhom irziezet ta’ l-annimali.
Fit-taħdidiet regolari bejn il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u rappreżentanti tar-raħħala, fosthom il-Koperattiva ta’ min Irabbi l-Majjali (KIM) u l-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib (KPĦ), kien qam il-każ tal-ħlas lill-MEPA meta r-raħħala japplikaw għall-permessi tal-bini biex jirranġaw ir-razzett tagħhom jew jibnu xi razzett ġdid.
Ir-raħħala kienu qed jargumentaw li ġaladarba huma ma jistgħux jikkonnettjaw ir-razzett tagħhom mas-sistema tad-drenaġġ, ir-regolamenti kellhom ikunu emendati biex ma tibqax tiġi mitluba dik il-parti tal-ħlas li l-MEPA tiġbor f’isem il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma.
Wara li saru l-konsultazzjonijiet mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent mal-Ministeru tal-Finanzi, mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma, il-MEPA, id-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura u r-rappreżentanti tar-raħħala, tressqet proposta quddiem il-Bord tal-MEPA biex tiġi kkunsidrata emenda fil-ħlas ta’ dak li hu magħruf bħala Infrastructure Service Contribution. Il-Bord laqa’ din it-talba u permezz ta’ l-Avviż Legali r-raħħala mhux se jibqgħu jħallsu dik il-parti mill-ħlas li hi relatata għas-servizz tad-drenaġġ. Dawn l-emendi huma retroattivi b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2005 u b’hekk raħħala li laħqu ħallsu flus għal dan il-għan matul dan il-perjodu se jkunu jistgħu jitolbu rifużjoni.
F’kummenti dwar dan l-iżvilupp importanti, il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino qal li din hi miżura oħra li tkompli tikkonferma kemm il-Gvern huwa sensittiv għat-talbiet tar-raħħala u s-settur agrikolu kollu. Il-Ministru Pullicino irriafferma l-impenn tal-Gvern li jagħmel dak kollu possibbli biex jitnaqqas il-piż fuq l-operat ta’ dawn is-setturi. Hu esprima l-apprezzament tiegħu għal-livell ta’ kollaborazzjoni bejn il-partijiet kollha kkonċernati li wasslet biex din l-issue tkun riżolta għall-ġid ta’ kulħadd. L-Onor. Pullicino qal li dan hu pass importanti fil-proċess ta’ ristrutturar li għaddejjin minnu l-irziezet Maltin biex jikkonformaw ma’ l-istandards Ewropej.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959