Lm170,000 għall-bini ta’ 12-il triq residenzjali ġdida f’Ħ’Attard
Ix-xogħol fuq is-70 triq residenzjali li ngħataw l-offerti għalihom fl-aħħar ġimgħa ta’ Diċembru issa qabad ritmu tajjeb tant li l-parti l-kbira minn dawn mistennija tkun lesta sa xahrejn u nofs oħra.
Waqt żjara f’Ħ’Attard, fejn bħalissa qed jinbnew mat-12-il triq residenzjali, il-Ministru Mugliett qal li s-sistema li l-Gvern qed juża biex jagħti xogħlijiet f’toroq bħal dawn diġà qed tħalli l-effett mixtieq.
“L-għanijiet tas-sistema tal-period contracts kienu li x-xogħol f’toroq residenzjali isir b’inqas telf ta’ ħin, filwaqt li tinżamm il-kwalità. Minn dak li rajna fl-aħħar sitt ġimgħat jidher li l-kuntratturi qed jaħdmu b’aktar tempestività tant li x-xogħol diġa’ beda fil-parti l-kbira tat-22 lot ta’ toroq li ttellgħu bil-polza fi tmiem Diċembru,” qal il-Ministru Mugliett.
Hu qal li bħalissa f’Ħ’Attard għaddej ix-xogħol fuq xejn inqas minn 12-il triq residenzjali, bi tnejn minn dawn jingħataw it-tarmak propju ftit tal-jiem ilu. Il-valur ta’ dawn ix-xogħlijiet jiżboq il-Lm170,000.
It-toroq li qed jinbnew mill-Gvern huma Triq Lorenzo Manche, Triq iż-Żbiba, Triq is-Sardinella, Triq il-Fikus, Triq il-Bettija, parti minn Triq iż-Żraġen, Triq il-Mixtla, Triq iż-Żahar, Triq il-Larinġ, Triq it-Taħħan, parti minn Triq Emvin Cremona u Triq Peter Paul Rubens.
Il-Ministru Mugliett qal li dan il-volum imdaqqas ta’ xogħol ser itejjeb mhux biss l-ambjent ta’ triq individwali, iżda ta’ żoni sħaħ f’dan ir-raħal, u dan għandu jġib titjib fil-kwalità tal-ħajja għal dawk kollha li jgħixu f’Ħ’Attard.
“Dan ifisser ukoll li l-Gvern għad irid jibni biss 7 toroq li jinsabu fil-Programm. Dawn ser ikunu qed jintefgħu f’lott ġdid meta fi ftit ġimgħat oħra jitlesta x-xogħol fuq il-lottijiet li għaddejjin bħalissa. Imbagħad ĦH’Attard jingħaqad mal-lista ta’ lokalitajiet li mhux ha jkollhom aktar toroq residenzjali ġodda x’jinbnew,” kompla jgħid il-Ministru Mugliett.
Hu żied jgħid iżda, li għalkemm il-ħeffa fir-ritmu tax-xogħol illum qed tingħata prijorità għolja, l-Awtorità Dwar it-Trasport qed tiffoka wkoll fuq l-aspett tal-kwalità tax-xogħlijiet. Fil-fatt il-kuntratturi li daħlu għal dawn il-period contracts għandhom l-obbligu li jibgħatu l-foremen tagħhom għal-kors ta’ taħriġ fil-kostruzzjoni tat-toroq. Dan il-kors, li qed isir għat-tieni sena konsekuttiva, issa wasal f’nofsu u l-madwar 15-il parteċipant mistennija jlestu mill-istudji tagħhom fl-aħħar ta’ Marzu.
Filwaqt li rringrazzja lill-kunsilliera lokali ta’ Ħ’Attard għall-għajnuna tagħhom waqt li kien qed jitħejja l-Programm ta’ Bini ta’ Toroq 2006-2008, il-Ministru saħaq fuq l-importanza li l-Kunsilli Lokali kollha jibżgħu għal dawn it-toroq ġodda.
“Dawn it-toroq qed jitlestew minn kollox, u tkun tassew ħasra jekk xi ħadd irresponsabbli jitħalla jagħmlilhom il-ħsara. L-għożża għal dawn it-toroq trid tmur oltre’ l-indafa,” qal il-Ministru.
Hu temm jgħid li l-Gvern qed juri bil-fatti li l-isfida li daħal għaliha meta ppubblika l-programm ta’ toroq residenzjali ser jirbaħa.
“Minn Awissu ‘hawn missejna mal-150 triq, jiġifieri terz tal-programm ta’ 450 triq. Aħna fiduċjużi li biż-żamma ta’ dan ir-ritmu ta’ xogħol, dan il-programm ikun jista’ jitwettaq sa tmiem is-sena 2008,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.
DOI - 15.02.2007
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959