Investiment Għaqli u Użu aħjar tar-rizorsi umani fi ħdan il-Ministeru jissarrfu f’ġid nazzjonali
L-impenn tal-Gvern favur it-titjib u t-tisbiħ ta’ l-ambjent infrastrutturali ta’ pajjiżna jkopri mhux biss l-aspett urban iżda jinkludi wkoll zoni fejn il-pubbliku u t-turist li jżurna jkun jista’ jgawdi l-akwati viċin ix-xtut tagħna. Ix-xogħol li sar fl-aħħar snin f’postijiet simili u f’bini u tisbiħ ta’ promenades, juri li l-Gvern bis-serjeta għandu viżjoni sabiex pajjiżna jkun isbaħ u aħjar. Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Ninu Zammit waqt żjara li għamel fix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex fejn bħalissa qed isir xogħol fuq parti mill-promenade minn hdejn il-Blue Pearl Restaurant sal-ġnien tal-Gzira.
Il-Ministru spjega li wara li sar ix-xogħol fuq il-ħajt li jifred il-promenade minn max-xatt inbena bonavostrar bis-sottobank u s-soprabank. B’kollox se jkunu tpoġġew madwar 1,550 ballavostra. Dan il-bonavostrar se jservi ta’ lqugh ghaz-zona pedonali u fl-istess hin joħloq karatteristika li tikkumplimenta mal-veduta tas-swar li tidher minn din iż-żona. Wara li nqalgħa l-wiċċ tal-promenade l-antika, ġew mgħoddija s-servizzi kollha minn taħt, inkluż sistema ta’ culverts, ingħata l-konkos u beda l-pavimentar tal-promenade.
Id-disinn tal-pavimentar sar b’tali mod li jiddistingwi z-zona pedonali u joħloq linja simetrika mat-tul tal-promenade kollu. It-tul tal-promenade jkopri madwar 500 metru filwaqt li l-area tal-pavimentar taqbez 2,000 metru kwadru. Biex jikkumplimenta dan ix-xogħol se jiġu nstallati 48 arblu dekorattiv tad-dawl, se jitpoġġew madwar għaxar bankijiet u numru ta’ kontenituri ta’ l-iskart.
Fit-tfassil tal-proġett saret konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet kollha konċernati fosthom il-Kunsill Lokali u l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilita. Fil-fatt il-proġett jinkludi wkoll miżuri u dettalji sabiex minn issa l-quddiem, kemm il-promenade kif ukoll ix-xatt ikun aċċessibbli minn kulħadd.
Il-Ministru Ninu Zammit qal li dan ix-xogħol kollu qed isir mill-ħaddiema tal-Gvern b’finanzjament mill-Gvern Ċentrali. L-istima ta’ l-investiment tammonta ghal madwar Lm150,000 u x-xogħlijiet mistennija li jintemmu f’Marzu 2007. Ma’ dan ix-xogħol għaddej xogħol simili fil-promenade ta’ Għar id-Dud, fejn ukoll ix-xogħlijiet huma avvanzati u mistennija li jitlestew fl-istess żmien.
Il-Ministru tenna li matul din is-sena hu pprogrammat li jsiru xogħlijiet oħra f’zoni simili bħat-tkomplija tal-Belveder minn Wied iż-Żurrieq sa Ħaġar Qim, fejn hawnhekk se jinbena belveder ġdid li jikkumplimenta mal-promenade li sar fuq Wied Babu. Qed jitkompla il-promenade tax-Xemxija lejn il-parti tal-Veġġa u fil-ġranet li ġejjin se joħorġu l-offerti għal xiri ta’ materjal sabiex isir xogħol f’Xatt is-Sajjieda M’Xlokk. Ir-riformi, l-użu aħjar tar-riżorsi finanzjarji u l-investiment f’makkinarju u għodda aħjar għall-ħaddiema, li saru fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura illum qed iħallu l-frott; u l-pubbliku jista’ jara b’għajnejh u jmiss b’idejh ix-xogħlijiet imwettqa mill-ħaddiema ta’ dan il-Ministeru, temm jgħid il-Ministru Ninu Zammit.
DOI – 14.02.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958