Left arrow Go Back

Stqarrija FIL-PARLAMENT mill-ViĊi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern dwar Riformi Ġodda fil-qasam taċ-Ċittadinanza – 13 ta’ Frar 2007

PR0189
Date Icon 14/02/2007

Mr Speaker,  

Bi pjaċir inħabbar bidliet importanti li l-Gvern beħsiebu jressaq fil-liġi dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, li nittama li l-Parlament ikun jista’ jiddiskuti u japprova fil-futur qarib. 

Dawn ir-riformi jolqtu prinċipalment lil persuni tat-tieni ġenerazzjoni mweldin barra minn Malta, jiġifieri dawk il-persuni mwielda barra minn Malta lil ġenituri Maltin li twieldu barra minn Malta wkoll. 

Sa mill-1964 il-Kostituzzjoni u l-liġijiet tagħna dejjem illimitaw l-għoti taċ-ċittadinanza Maltija lil dawk li twieldu barra minn Malta, għall-ewwel ġenerazzjoni mwielda barra minn Malta, jiġifieri persuna ssir Maltija mat-twelid barra minn Malta, jekk u jekk biss xi ġenitur tagħha kien twieled Malta.

Persuni tat-Tieni Ġenerazzjoni Mwielda Barra minn Malta Jistgħu jsiru Ċittadini Maltin 

Bi pjaċir inħabbar illi din il-limitazzjoni għat-tieni ġenerazzjoni mwielda barra minn Malta, se titneħħa.  B’hekk bis-saħħa tar-riforma li se nintroduċu fix-xhur li ġejjin, anki dawk li twieldu barra minn Malta u li l-ġenituri tagħhom, għalkemm Maltin ma twieldux f’Malta, se jkunu jistgħu jakkwistaw ċittadinanza Maltija u passport Malti, jekk japplikaw. 

Nieħu gost ninnota, Mr Speaker, li din hi riforma li l-emigranti Maltin, f’kontinenti differenti, ilhom jitolbu lil Gvern wara l-ieħor.  Għal darb’oħra Gvern Nazzjonalista, li ntroduċa r-riformi kollha li saru mill-Indipendenza ‘l hawn fil-qasam taċ-ċittadinanza, se jerġa’ jbiddel il-liġi biex jagħti lil iktar nies ta’ nisel Malti, id-dritt li jsiru ċittadini Maltin. 

Infakkar lill-Kamra li l-ewwel riformi mportanti dwar ċittadinanza ġew introdotti fl-1989.  Dak in-nhar għall-ewwel darba ġiet introdotta ċ-ċittadinanza doppja għall-emigranti Maltin, li twieldu Malta, emigraw fil-pajjiż li għażlu, u li fil-maġġoranza kienu tilfu ċ-ċittadinanza Maltija malli akkwistaw in-nazzjonalita’ tal-pajjiż ta’ l-adozzjoni tagħhom. 

Fis-sena 2000, bit-tieni riforma li ntroduċa Gvern Nazzjonalista, iċ-ċittadinanza doppja ma baqgħetx marbuta ma’ l-emigrazzjoni, jew mal-fatt li twelidt f’Malta; iżda ngħatat lill-persuni kollha li xi darba kellhom mat-twelid iċ-ċittadinanza Maltija u tilfuha, l-aktar meta akkwistaw dik barranija.  Bl-introduzzjoni taċ-ċittadinanza doppja għal kulħadd, tneħħiet ukoll ir-regola iebsa li ż-żgħażagħ tagħna kellhom jagħżlu bejn it-18 u d-19-il sena jekk iżommux iċ-ċittadinanza Maltija jew dik barranija, u jekk ma jagħmlu xejn, jitilfu dik Maltija. 

Mill-2000 sar possibbli li jkunu jistgħu jżommu t-tnejn, u sakemm dak li jkun hu ntitolat għal ċittadinanza Maltija, il-liġi ma baqgħetx tirrikjedi li ma jistax ikollok ċittadinanza oħra. 

Issa b’din it-tielet riforma se nestendu ċ-ċittadinanza Maltija, favur it-tieni ġenerazzjoni mwielda barra minn Malta u ghal uliedhom, jekk ghall-inqas wiehed mill-genituri taghhom  ikun eserċita d-dritt, li se jinghata, li jsir cittadin Malti. 

Dawk li twieldu qabel 1964 barra minn Malta minn omm Maltija biss, mwielda f`Malta, jistghu isiru cittadini Maltin

Barra minn dan, għandi l-pjaċir ukoll inħabbar li se nestendu ċ-ċittadinanza Maltija favur dawk imwielda barra minn Malta qabel l-1964, u li missierhom hu (jew kien) barrani, u ommhom biss hi (jew kienet) Maltija.  Sal-lum dawn ma kinux jitqiesu bħala  ċittadini Maltin.  B’effett tar-riforma preżenti li se nintroduċu fix-xhur li ġejjin, se nneħħu din l-anomalija li, jekk twelidt barra minn Malta qabel l-1964 minn missier Malti, issir Malti, iżda jekk ommok hija Maltija, ma tistax takkwista iċ-ċittadinanza ta’ Malta ħlief wara ħames snin li tiġi toqgħod Malta. 

B’din ir-riforma ma nibqgħux nagħmlu differenza bejn missier u omm, basta wieħed mill-ġenituri kien sar ċittadin ta’ Malta; għalhekk dawk kollha li twieldu barra minn Malta qabel l-Indipendenza minn omm Maltija, se jkunu wkoll jistgħu jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija billi japplikaw għaliha u tingħatalhom permezz ta’ reġistrazzjoni. 

Mhux hekk biss iżda bir-riforma li ħabbart aktar ‘il fuq anki t-tfal ta’ dawn il-persuni (jiġifieri t-tieni ġenerazzjoni mwielda barra minn Malta) ser ikunu jistgħu jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija permezz ta’ reġistrazzjoni. 

Infakkar ukoll lill-Kamra illi għal dawk li twieldu wara l-1964 f’ċirkostanza simili, din l-anomalija kienet diġa tneħħiet bir-riformi tal-1989 u tal-2000; u ċ-ċittadinanza ta’ min jitwieled barra minn Malta ma baqgħetx tiġi trasmessa mill-missier biss, iżda wkoll mill-omm. 

Ninforma wkoll lill-Kamra illi minn mindu ġew introdotti r-riformi tal-1989 u 2000, eluf ta’ persuni bbenefikaw minn dawn ir-riformi.  Infatti d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza kkonferma bil-miktub lil madwar 12,250 persuna ta’ nisel Malti li għandhom dritt ikollhom żewġ ċittadinanzi, waħda minnhom din Maltija.   

Nixtieq nirringrazzja lid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza li ħadmu fuq din ir-riforma u li qed iħejju l-leġislazzjoni relattiva. 

Fl-ahharnett bl-emendi li se nintroduċu se jkun possibbli wkoll illi l-konjugi ta` persuni li taw servizz eċċezzjonali lil pajjizna, jinghataw cittadinanza Maltija b`ordni, minghajr il-bzonn li jistennew ħames snin miż-żwieġ tagħhom jew li jirrisjedu  f`Malta ghal ċertu zmien 

Ninsab konvint li bir-riformi li se nagħmlu, l-emigranti Maltin li dejjem żammew ħajja fihom l-imħabba għal dak kollu li hu Malti, iħossu li pajjiżhom qed jirrikonoxxilhom drittijiet ġodda b’għarfien għal din ir-rabta li huma jħossu, u li dejjem żammew ħajja, barra minn xtutna.

DOI - 13.2.2007

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow