Left arrow Go Back

Malta waslet biex tibda tipproduċi nbejjed ta’ kwalità taħt is-sistema DOK

PR0187
Date Icon 13/02/2007

Il-tħejjijiet tal-proċeduri li jippermettu l-produtturi lokali ta’ l-inbid jipproduċu nbejjed ta’ kwalità taħt is-sistema tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata (DOK) issa waslu fl-aħħar fażi tagħhom.

Il-proċess kien jinvolvi ħidma twila bejn l-Assoċjazzjoni tal-Vitikultura Maltija, l-għaqdiet tal-bdiewa, uffiċjali tat-Taqsima tal-Vitikultura u l-Enologija u l-għassara. Dan ħabbru l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt attività ta’ din il-kumpanija lokali organizzata biex tniedi nbejjed prodotti minn għeneb lokali. 

”Il-produzzjoni lokali laħqet l-ammonti u l-kwalità mistennija biex issir produzzjoni ta’ inbejjed ta’ kwalità,” qal il-Ministru Pullicino. ”L-iskema DOK se tiżgura livell ta’ kwalità skond livelli ta’ pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni Ewropea u se tkun ikkontrollata permezz ta’ aċċertamenti uffiċjali fosthom reġistri u analiżi kimika u fiżika. Se jsiru wkoll analiżi ohrajn fuq inbid li diġà qiegħed fuq is-suq biex jiġi żgurat il-livell ta’ kwalità u li r-regoli kollha, inklużi ta’ l-ittikettar, ikunu qegħdin jiġu osservati.” 

Bis-sistema tad-DOK għandhom igawdu il-bdiewa lokali, l-għassara u l-konsumaturi li jfittxu l-prodott ta’ kwalità lokali. Il-Gvern qed iħejji biex jappoġġja din l-inizjattiva favur prodott lokali ta’ kwalità permezz ta’ kampanja ta’ promozzjoni u għarfien dwar id-DOK Malta, kif ukoll skema oħra magħrufa bħala IGT (Indikazzjoni Ġeografika Tipika).  Din se tkun iffinanzjata minn fondi li sa’ llum kienu jingħataw bħala sussidju fuq għeneb u ’must’ impurtat. 

B’hekk, l-għassara mhux se jkollhom tnaqqis fil-fondi tagħhom u l-flus li kienu jieħdu se jibqgħu jieħduhom xorta f’forma ta’ għajnuna għall-promozzjoni ta’ l-għeneb lokali li minnu jsiru l-inbejjed ta’ kwalità.

Il-Ministru Pullicino rringrazzja lill-għassara li għażlu li jixtru l-għeneb lokali u minnu jipproduċi l-inbejjed ta’ kwalità. ”B’mod partikolari nirringrazzja lill-Marsovin li għażel li jibqa’ jonora l-kuntratti li għamel mal-bdiewa u b’hekk jiggarantixxi l-prezzijiet li kienu miftiehma mal-bdiewa fl-iffirmar tal-kuntratti.”

Dr Francis Agius, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd, qal li l-Gvern ta attenzjoni speċjali lis-settur tal-vitikultura. Dan mhux biss għamilnieh permezz ta’ għajnuna teknika meta waqqafna l-laboratorju tal-vitikultura u l-enologija fl-Għammieri imma wkoll permezz ta’ għajnuna finanzjarja ħalli tkun ta’ sostenn għar-ristrutturar meħtieġ.  

”Dan kollu kien skond dak li nnegozja l-Gvern Malti fit-trattat tas-sħubija ma’ l-Unjoni Ewropea,” qal Dr Agius.  ”Meta nħares lura ngħid li l-isforzi tal-Gvern ħallew il-frott mixtieq.  Minn madwar 600 ettaru ta’ art li fuqha jitkabbru d-dwieli fl-2003, illum għandna mad-910 ettaru ta’ art bid-dwieli.  Xorta għad baqa’ lok għal titjib pero’ dan kollu huwa frott ta’ ħidma ffukata favur tkabbir ta’ għeneb lokali.” 

Dr Agius komplja jispjega li l-għajnuna finanzjarja li ngħatat s’issa għat-tkabbir tad-dwieli kienet ta’ Lm826,150.40 li minna Lm113,667.20 ingħataw mill-Unjoni Europea. ”Kieku Malta ma għażlitx li tissieħeb fl-Unjoni Ewropea l-għajnuna finanzjarja kienet tkun inqas minn dik li ngħatat għad-detriment ta’ dawk kollha li jaħdmu jew għandhom konnessjoni ma’ dan is-settur. Il-ħidma tal-Gvern qed tagħti l-frott mixtieq għax filwaqt li fis-sena 2005 ingħasru ftit aktar minn 1,500 tunnellata ta' għeneb imkabbar lokalment, fl-2006 ingħasru ftit aktar minn 3,000 tunellata.”

DOI – 13.02.2007

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow