IL-MINISTERU TA’ L-AFFARIJIET BARRANIN IWIEĠEB GĦAL RAPPORT LI DEHER FIL-MEDIA LOKALI DWAR IL-POŻIZZJONI TA’ MALTA FUQ L-ABORT
B’riferenza għall-artiklu li deher fil-ħarġa tat-Tnejn 12 ta’ Frar tal-ġurnal ‘l-orizzont’ dwar allegata pressjoni mill-Unjoni Ewropea fuq in-Nicaragua dwar liġi kontra l-abort f’dak il-pajjiż u għall-kummenti bla bażi fl-istess rapport li jinsinwaw li fi Brussels il-Gvern Malti jimxi b’mod differenti milli jagħmel f’Malta dwar il-kwistjoni ta’ l-abort, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, jiddikjara li:
· Il-fatti juru eżattament il-kuntrarju ta’ dak li hu allegat fl-artiklu ta’ ‘l-orizzont’. Il-pożizzjoni ta’ Malta hi ċara, konsistenti u magħrufa għax magħmula pubblika. F'Malta l-abort huwa illegali u Malta dejjem kienet u hi, kontra kull pressjoni li tista' ssir fuq xi pajjiż dwar il-kwistjoni ta’ l-abort. Malta dejjem tieħu dan l-atteġġjament kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll f’organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.
· Konsistentement ma’ din il-pożizzjoni, fid-diskussjoni interna fl-Unjoni Ewropea dwar din il-materja, Malta opponiet li jsiru rappreżentazzjonijiet ma’ l-awtoritajiet tan-Nicaragua dwar din il-liġi fil-kuntest ta’ l-obbligi internazzjonali tan-Nicaragua fil-kamp tad-drittijiet tal-bniedem.
· Malta stqarret ċar u tond li l-politika dwar l-abort hi materja ta’ l-Istati Membri individwalment u li fl-Unjoni Ewropea ma hemm ebda pożizzjoni komuni dwar l-abort.
· B’riżultat ta’ dan, ma saret l-ebda komunikazzjoni formali mill-Unjoni Ewropea man-Nicaragua dwar din il-liġi. Għalhekk hi ħasra li ‘l-orizzont’ deffes lil Malta f’din l-istorja bla ma ċċekkja l-affarijiet u allura informa ħażin lill-qarrejja tiegħu.
DOI 13.02.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958