INAWGURAT IL-ĠNIEN TAL-PALAZZ TA’ SPINOLA WARA PROĠETT TA’ MMODERNIZZAR U TITJIB
Il-ġnien tal-Palazz ta’ Spinola f’San Ġiljan kien inawgurat illum wara proġett ta’ mmodernizzar u titjib li sewa mat-Lm300,000. Dan kien jinkludi xogħol fil-ġnien u xogħol ieħor ta’ tisbiħ madwar il-ġnien minn ħaddiema tal-Gvern u dan jinkludi bankini b’pavimentar ġdid u tneħħija ta’ strutturi.
Il-ġnien kien inawgurat mill-President ta’ Malta Edward Fenech Adami fil-preżenza tal-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino, s-Sindku ta’ San Ġiljan Peter Bonello u George Fenech, Chairman ta’ Tumas Group. Il-ġnien tbierek mill-Kappillan ta’ San Ġiljan Fr Ray Toledo.
F’diskors tal-okkażjoni waqt l-inawgurazzjoni tal-ġnien, il-Ministru George Pullicino esprima s-sodisfazzjon tiegħu għat-tlestija tal-proġett ta’ tisbiħ tal-ġnien. Hu fakkar fl-istat li kien jinsab fih il-ġnien sa ftit tax-xhur ilu u huwa b’hekk biss li wieħed jasal biex japprezza aktar l-investiment li sar fl-immodernizzar tal-ġnien.
Il-Ministru Pullicino radd ħajr lil Tumas Group li nvestew fit-titjib tal-ġnien bħala ġest favur il-komunita’ Ġiljaniża marbuta mall-ħruġ tal-permess għall-iżvilupp tal-proġett ta’ Portomaso. Hu fakkar li l-iżviluppaturi għandhom responsabbilta’ lejn il-komunita’ fejn iwettqu l-proġetti tagħhom. Dan japplika l-aktar għal proġetti kbar bħal ma huwa Portomaso. Hu tenna li huwa tajjeb li l-livell ta’ kwalita li ntlaħaq fil-proġett ta’ Portomaso jkun rifless ukoll fl-inħawi tal-madwar.
Il-Ministru Pullicino fakkar kif it-titjib tal-ġnien kien parti minn inizjattiva li kienet tinvolvi wkoll it-titjib tas-sistema ta’ l-immaniġġjar tat-traffiku fit-toroq ta’ madwar il-ġnien. Hu qal li x-xogħol wasal fi stadju avvanzat tant li ċerti miżuri diġa daħlu fis-seħħ bħalma hu t-tneħħija tat-traffic lights fil-junction ta’ bejn Triq San Ġorġ u Triq Ross.
Hu qal li mal-ħruġ tal-permess ta’ l-iżvilupp ta’ Portomaso, l-kumpanija Tumas Group kienet intrabtet ukoll li tiftaħ it-triq interna għall-aċċess tat-traffiku pubbliku. Din is-sistema għandha tgħin sabiex tkun evitata l-konġestjoni tat-traffiku. Pullicino qal li din ukoll tinsab fi stadju avvanzat tant li fil-jiem li ġejjin mistennija jsiru x-xogħlijiet ta’ l-aħħar. Din it-triq se tinfetaħ fl-aħħar ġimgħa ta’ Frar u fil-jiem li ġejjin mistenni jsir it-twaħħil tas-sinjali tat-traffiku u r-road markings.
Il-Ministru Pullicino rringrazzja lil kull min ta s-sehem tiegħu fit-twettiq ta’ dan il-proġett. Hu awgura li l-ġnien ikun jista’ jitgawda minn kulħadd, residenti u mhumiex, li jżuru San Ġiljan. Pullicino appella biex il-ġnien ikun imħares minn kull forma ta’ vandaliżmu u appella għall-koperazzjoni ta’ kulħadd biex is-sit jibqa’ f’istat tajjeb.
Intant, fl-immodernizzar tal-ġnien intuża kunċett barokk li jikkumplimenta l-Palazz ta’ Spinola li jinsab biswit il-ġnien. Fil-ġnien tħawwlu wkoll dwieli minħabba l-istorja tal-Palazz ta’ Spinola li kien rinomat għall-kantini tal-inbid tiegħu.
DOI - 10.02.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958