Inħajru iktar turiżmu ntern lejn Għawdex matul is-sena kollha
Network Publications Ltd ippreżentat kopja ta’ l-ewwel ħarġa tal-magażin Let’s Gozo lill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, dalgħodu.
Dan il-magażin huwa l-aħħar inizjattiva biex jiġi attirat iktar turiżmu lejn Għawdex. Huwa magażin li se jiġi ppubblikat kull xahar, bl-ewwel ħarġa toħroġ dan ix-xahar, minn Network Publications Ltd., u b’kollaborazzjoni ma’ l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex u l-kumpanija Gozo Channel Company. Dan il-magażin se jitqassam b’xejn f’Malta fi sforz li jiġu mħajra iktar viżitaturi jżuru lil Għawdex matul ix-xhur kollha tas-sena.
F’diskors qasir fl-okkażjoni tat-tnedija ta’ dan il-magażin, il-Ministru għal Għawdex qalet li l-pubblikazzjoni ta’ Let’s Gozo timxi fuq l-istess binarji ta’ l-istrateġija tal-Gvern li jippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta u destinazzjoni għas-sena kollha, b’enfasi partikolari fuq btajjel matul l-istaġuni l-inqas popolari.
Il-Ministru Debono qalet li minbarra li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jagħti s-sostenn tiegħu għall-pubblikazzjoni ta’ Let’s Gozo, dan l-aħħar ukoll immanifattura ħames billboards li ngħataw lill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex sabiex jitwaqqfu f’postijiet strateġiċi madwar Malta u b’hekk ikunu jistgħu jippromwovu wkoll iktar turiżmu lejn Għawdex. Il-promozzjoni ta’ Għawdex qed tiġi kkumplimentata minn skemi li bħalissa qed jiġu offruti fosthom il-kampanja Immorru Għawdex imnedija mill-Gozo Channel Co Ltd, kif ukoll inizjattivi ta’ marketing li tagħmel l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu b’mod speċifiku għal Għawdex fuq livell internazzjonali.
Il-Ministru Debono qalet li l-kontribuzzjoni tat-turiżmu intern fuq l-ekonomija t’Għawdex hija waħda sostanzjali b’50% tat-turisti li joqgħodu f’lukandi u guesthouses (eskluż is-self catering) ikunu turisti Maltin, filwaqt li l-problema ta’ staġjonalita’ li jsofri minnha Għawdex f’xhur inqas popolari, tista’ tiġi ndirizzata in parti b’żieda ta’ turisti li jżuru lill-gżira fuq żjarat qosra imma spissi matul l-istaġuni l-oħra. Il-Gvern identifika t-turiżmu intern bħala suq li joffri potenzjal għal tkabbir u huwa wkoll f’dan il-kuntest li qed jiżdiedu l-inizjattivi ta’ marketing biex iħajru iktar turisti jżuru lil Għawdex.
Il-Ministru Debono qalet li l-Gvern qiegħed jaddotta politika biex jassisti l-industrija turistika f’Għawdex, b’ħidma mmirata li ttejjeb il-prodott turistiku offrut fil-gżira permezz ta’ proġetti fosthom Niche Tourism for the Island of Gozo (li ndirizza l-qasam ta’ l-għadds), u proġetti ta’ titjib fosthom il-proġett tal-Mużew ta’ l-Arkeoloġija fiċ-Ċittadella, il-bini ta’ faċilita’ ta’ taħriġ għal studji turistiċi fil-Qala, il-proġetti ta’ Villa Rundle u Żewwieqa Waterfront kif ukoll it-titjib ta’ għadd ta’ toroq arterjali madwar il-gżira.
Dawn il-proġetti qed jiġu kkumplimentati b’inizjattivi oħra meħuda mill-Gvern dan l-aħħar, fosthom it-tnaqqis ta’ 25% tal-liċenzji għal stabilimenti tal-catering f’Għawdex, filwaqt li iktar skemi ta’ għajnuna ser jiġu mħabbra fil-ġimgħat li ġejjin biex ikomplu jassistu l-industrija turistika f’Għawdex.
Is-Sur Joseph Borg, Chairman Gozo Channel Co Ltd u s-Sur Joe Muscat, Segretarju Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex, flimkien ma’ rappreżentanti ta’ Network Publications Ltd attendew it-tnedija tal-pubblikazzjoni Let’s Gozo.
DOI - 09.02.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958