LI TITGĦALLEM…..QATT MHU TARD WISQ
Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, flimkien mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u l-Assoċjazzjoni Kunsilli Skolastiċi, bejn nhar il-Ġimgħa 23 u s-Sibt 24 ta’ Frar ser ikun qed jorganizza Konferenza Nazzjonali bit-tema “Li titgħallem…qatt mhu tard wisq” b’ko-finanzjamnet mill-Unjoni Ewropea f’lukanda fil-Qawra.
Din il-Konferenza, li hija mifruxa fuq jumejn, hija mmirata għall-ġenituri, edukaturi u professjonisti oħra li għandhom għal qalbhom it-tagħlim tul ħajjithom. L-edukazzjoni m’għandiex tkun biss għaċ-ċertifikati, iżda wieħed jilħaq il-milja tiegħu bħala persuna sħiħa billi jkompli jifrex it-tagħlim għall-gost tiegħu matul ħajtu.
Din il-Konferenza torbot lil pajjiżna ma’ mixja ta’ ħsieb madwar l-Ewropa kollha, u li qed jingħata spinta ġdida mill-presidenza Ġermaniza li bħalissa qed tmexxi l-Unjoni. Kull ma jmur, aħna l-Ewropej qed ikollna iktar bżonn, li nibqgħu naġġornaw lilna nfusna permezz ta’ ċiklu permanenti ta’ edukazzjoni formali u nformali.
Irridu ngħarfu li biex insostnu u ntejbu l-livell ta’ għajxien li ksibna minn nofs is-Seklu Għoxrin ‘l hawn, u biex inħallu lil pajjiżna f’qagħda li uliedna jirnexxu lkoll fl-aspetti kollha ta’ ħajjithom, l-edukazzjoni tul il-ħajja trid issir parti ntegrali minn ħajjitna.
Il-konferenza tiftaħ uffiċjalment nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar, fis-6.30 p.m., b’diskorsi mid-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni Dr. Cecilia Borg, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, is-Sur Francis Borg, u l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, l-Onor Louis Galea.
Is-Sibt 24 ta’ Frar, il-programm jiftaħ b’introduzzjoni dwar l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja. Ikompli b’panel ta’ diskussjoni u wara is-Sur Werner Katwijk, Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ġenituri, jagħmel l-indirizz tiegħu dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fil-proċess tat-tagħlim.
DOI – 07.02.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958