Emenda għar-Regolamenti dwar Tagħmir Mediku
Il-Ministeru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni (MCMP), permezz tad-Direttorat tal-Prodotti Industrijali u tal-Konsumatur ta’ l-Awtorita’ Maltija dwar l-iStandards, għamel regolamenti li jemendaw ir-Regolamenti dwar Tagħmir Mediku, 2003 (A.L. 47 ta’ l-2003, kif ġie emendat minn A.L. 27 ta’ l-2004). Ir-regolamenti li qed jiġu proposti jittrasponu d-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/50/KE tal-11 ta’ Awwissu, 2005 dwar ir-riklassifikazzjoni ta’ sostituzzjoni ta’ l-għadma tal-ġenb, ta’ l-irkoppa u tal-ġogi ta’ l-ispalla fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE dwar tagħmir mediku.
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/50/KE titlob lill-Istati Membri li jirriklassifikaw l-impjanti ta’ l-għadma tal-ġenb, ta’ l-irkoppa u tal-ġogi ta’ l-ispalla minn klassifikazzjoni ta’ riskju medju-għoli (Klassi IIb) fl-għola klassifikazzjoni ta’ riskju (Klassi III) fid-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE dwar tagħmir mediku.
Sostituzzjoni ta’ l-għadma tal-ġenb, ta’ l-irkoppa u tal-ġogi ta’ l-ispalla jippreżenta riskju akbar ta’ falliment minħabba il-kumplessità tal-funzjoni tal-ġog li jrid jiġi restawrat. Partikolarment, is-sostituzzjonijiet totali tal-ġogi jridu jkunu jifilħu għall-ġarr u huma impjanti sofistikati ħafna, li għalhekk ir-riskju ta’ reviżjoni ta’ intervent kirurġiku hu ħafna ikbar minn ta’ ġogi oħrajn. Aktar minn hekk, dawn is-sostituzzjonijiet qed isiru fuq nies ta’ eta zgħira b’medja għolja ta’ tul tal-ħajja u għalhekk ir-riskji żdiedu.
Ir-Regolamenti dwar it-Tagħmir Mediku (Emenda), 2007, ser jimplimentaw ir-rekwiżit biex jiġu riklassifikati l-għadam ta’ sostituzzjoni tal-ġenb, ta’ l-irkoppa u ta’ l-ispalla permezz tal-introduzzjoni ta’ emenda lir-Regolamenti dwar it-Tagħmir Mediku, 2003. L-effett hu li l-klassifikazzjoni ta’ tagħmir f’Malta ser jiġi ddeterminat skond ir-regoli ta’ klassifikazzjoni imfissrin fl-Iskeda IX tar-regolamenti, li jinqraw flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/50/KE, fejn is-sostituzzjoni ta’ l-għadma tal-ġenb, ta’ l-irkoppa u tal-ġogi ta’ l-ispalla jiġu riklassifikati fil-Klassi III.
Noti lill-edituri:
1. Ir-regolamenti proposti li jemendaw ir-Regolamenti dwar Tagħmir Mediku, 2003, ser jimplimentaw id-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/50/KE tal-11 ta’ Awwissu, 2005, dwar ir-riklassifikazzjoni ta’ sostituzzjoni ta’ l-għadma tal-ġenb, ta’ l-irkoppa u tal-ġogi ta’ l-ispalla fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE dwar tagħmir mediku.
2. Id-Direttiva 2005/50/KE tirriklassifika is-sostituzzjonijiet ta’ l-għadma tal-ġenb, ta’ l-irkoppa u tal-ġogi ta’ l-ispalla minn klassifikazzjoni ta’ riskju medju-għoli (Klassi IIb) fl-għola klassifikazzjoni ta’ riskju (Klassi III).
3. Ir-Regolamenti dwar Tagħmir Mediku (Emenda), 2007, ser jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru, 2007. Ir-Regolamenti ser jipprovdu għal żewġ perjodi tranżitorji għall-prodotti eżistenti, skond ir-rotta ta’ l-istima tal-konformità li l-manifattur kien segwa għall-Klassi IIb.
4. Aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett tista’ tinkiseb mid-Direttorat tal-Prodotti Industrijali u tal-Konsumatur ta’ l-MSA. Id-dettalji ta’ kuntatt huma dawn li ġejjin:
Awtorita’ Maltija Dwar l-Istandards
(Attn: Kap – Direttorat tal-Prodotti Industrijali u tal-Konsumatur)
It-Tieni Sular, Binja Evans, Triq il-Merkanti, Valletta, VLT 03; jew
fax: 2124 2406; jew
e-mail: anthony.camilleri@msa.org.mt;
linda.worley@msa.org.mt;
david.pulis@msa.org.mt.
DOI – 02.02.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958