ĦIDMA MINN MALTA KONTRA T-TIXRID TA’ ARMI NUKLEARI
Aktar tard din il-ġimgħa Malta se timponi sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà kontra l-Iran li qed jinjora Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-produzzjoni, ħażniet u l-proliferazzjoni ta’ armamenti nukleari.
Dan se jsir tliet ġimgħat qabel jagħlaq iż-żmien stabbilit għar-ratifika ta’ din ir-Riżoluzzjoni u b’hekk pajjiżna jkun qed jaqdi l-obbligi internazzjonali tiegħu biex tirrenja s-Saltna tal-Liġi fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Michael Frendo meta l-Parlament il-bieraħ fil-għaxija ddiskuta u approva Riżoluzzjoni mressqa minnu biex Malta tirratifika l-Konvenzjoni Internazzjonali kontra l-proliferazzjoni ta’ armi u materjal nukleari.
Fl-istess dibattitu l-Ministru ħabbar ukoll li f’Diċembru li għadda, pajjiżna applika formalment biex jissieħeb fin-New Agenda Coalition li hi għaqda ta’ pajjiżi li jaħdmu biex ikollna dinja ħielsa mill-armamenti nukleari.
Fi sforz biex tkompli taħdem kontra t-tixrid ta’ armamenti u materjal li jwassal għal produzzjoni ta’ armi ta’ qirda tal-massa, fi żmien qasir Malta mistennija tiffirma dak li jissejjaħ “Boarding Agreement” ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.
Permezz ta’ dan il-Ftehim, spetturi miż-żewġ pajjiżi jkunu jistgħu jitilgħu fuq bastimenti li jtajru l-bnadar rispettivi tagħhom biex jaraw jekk dawn ikunux qed iġorru materjal jew armamenti nukleari b’mod illeċitu.
DOI 31.1.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958