Left arrow Go Back

Restawr fil-Knisja ta’ Sarria, l-Furjana

PR0082
Date Icon 23/01/2007

Il-kapaċitajiet u s-snajja speċjaliżżati tal-ħaddiema tar-restawr fi ħdan il-Ministeru qed jiġu msarrfa f’xogħlijiet delikati fuq monumenti u binjiet ta’ wirt storiku li pajjiżna hu mogħni bihom.  Eżempju konkret ta’ dan huwa x-xogħol ta’ restawr li wasal biex jintemm fuq il-Knisja ta’ Sarria fil-Furjana.  Il-Ministru Ninu Zammit qal dan meta kien qed iżur l-aħħar xogħlijiet ta’ restawr fuq din il-Knisja.

Il-ħsarat strutturali fuq il-binja ta’ din il-Knisja kienu elaborati u minħabba n-natura tax-xogħol kif ukoll il-kobor tal-Knisja, l-proċess tar-restawr kellu jieħu numru ta’ xhur sabiex jitlesta.  Il-ħsarat kienu jinkludu ċaqlieq strutturali, diversi forom ta` tmermir, u depositi ta’ ħmieġ u formazzjoni ta` skorċa sewda.  Din is-sitwazzjoni hija riżultat ta` diversi sitwazzjonijiet li l-istruttura tal-Knisja kienet u għadha suġġetta għalihom.  Matul l-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, l-inħawi tal-Knisja ġew attakkati diversi drabi, tant li kważi l-istrutturi kollha ta` madwar din il-Knisja twaqqgħu.  Għalkemm il-Knisja ta` Sarria ma ntlaqtetx, il-blast tal-attakki kkawżalha ċaqlieq sinifikanti.   

Il-Ministru spjega li minn studji dettaljati, ġie konkluż li l-ġebla li ntużat għall-kostruzzjoni tal-Knisja hija waħda nferjuri, b’kontenut qawwi ta’ materjal tafli, liema materjal qiegħed jikkontribwixxi għat-tmermir sinifikanti hekk evidenti f’din il-Knisja.  Ħsarat konsiderevoli oħrajn kienu qegħdin jiġu kkawżati minħabba nuqqas ta` manutenzjoni u primarjament infiltrazzjoni ta` ilma tax-xita minn ġol gwarniċun ta` taħt il-koppla. L-effett tad-dħaħen minn exhaust ta’ vetturi u elementi ambjentali oħra, ukoll jaffettwaw ħażin il-kundizzjoni tal-ġebla.   

Għaldaqstant ir-restawr li sar mill-ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr fi ħdan id- Divizjoni tax-Xogħlijiet kien wieħed delikat li ndirizza d-diversi problemi bl-inqas impatt.  Filwaqt li ġie rikonoxxut il-fatt li  għandhom jiġu rispettati l-linji arkitettoniċi oriġinal tal-Knisja, li kienet iddisinjata mill-arkitett Mattia Preti, inħass li l-bdil tal-ġebel immermer kellu jkun minimiżżat kemm teknikament possibli. 

It-tindif tal-ġebla sar kollu bl-idejn. Fejn kien hemm l-iskorċa sewda il-proċess kien wieħed aktar laborjuż u kkomplikat. It-taħlita użata kienet tikkonsisti f’ilma ddistillat, trab tal-karta u kwantitajiet żgħar ta` ammonium bicarbonate.  Dan kien jiġi applikat fuq il-ġebla f’forma ta` impakki li kienu jitħallew biex irattbu l-ħmieġ għal mhux iktar minn kwarta, wara jitneħħew u l-ħmieġ imrattab jitnaddaf permezz ta` xfafar kirurġiċi żgħar.  Minħabba l-kundizzjoni tal-ġebla, dan il-proċess ġieli ġie ripetut għal tlieta, erbgħa jew ħames darbiet.  Ix-xogħlijiet kollha li saru, kellhom oġġettiv uniku biex filwaqt li l-integrita` strutturali oriġinali baqgħet mhux mittifsa, il-linji arkitettoniċi oriġinali ġew rikostruwiti u konservati. 

Il-proċess tar-restawr kien jinkludi wkoll il-konsolidament u r-restawr tal-lavur u ta’ stemmi jew armi tal-familji, liema fatturi jiffurmaw parti mill-istorja tal-Knisja u li l-istess Knisja hi mżejjna bihom. 

Wara li  jintemm ir-restawr ser tiġi mibnija bankina adekwata mad-dawra tal-Knisja u fiha ser tiġi nstallata sistema ġdida ta’ luminazzjoni bil-għan li l-estetika artistika tal-Knisja tispikka wkoll wara nżul ix-xemx. 

Il-Ministru Ninu Zammit, filwaqt li tenna kliem ta’ apprezzament lejn il-ħaddiema nvoluti f’dan ir-restawr, ħeġġeġ lis-sezzjoni tar-restawr kollha sabiex kif sar fl-aħħar erba’ snin, id-dedikazzjoni lejn ir-restawr tal-wirt storiku ta’ pajjiżna jibqa miexi fuq ir-ritmu li qabad u x-xogħlijiet isiru fuq l-ogħla livelli possibli.   

Il-ħidma minn din is-sezzjoni hija waħda ntensiva u l-lista ta’ xogħlijiet ippjanati għal matul din is-sena hija waħda konkreta u ambizzjuża.  Fost ix-xogħlijiet li għaddejjin, hemm ir-restawr u l-konservazzjoni tal-Knisja l-Qadima fis-Siggiewi, il-Kappella tal-Grazzja fil-Qrendi, il-Kappella tas-Salvatur fil-Kalkara, il-Librerija Nazzjonali fil-Belt Valletta, Il-Kappelli ta’ San Mikiel u San Bażilju fl-Imqabba, u r-restawr u l-konsolidament tal-Bastjun ta’ Santa Barbara fil-Belt Valletta.

Knisja ta’ Sarria, Furjana

Nota Storika

Il-Knisja ddedikata lill-Immakulata Kuncizzjoni fil-Furjana hija waħda mill-aktar monumenti votivi importanti f’Malta.  Il-Knisja eżistenti tinstab fuq l-istess post ta’ Knisja oħra bl-istess dedikazzjoni u li kienet inbniet  mill-kontribuzzjonijiet ġenerużi ta’ Fra Martino Sarria fis-sena 1571.  F’dak iż-żmien, il-bini tal-belt fortifikata Valletta kien għadu fil-bidu tiegħu filwaqt li l-fortifikazzonijiet tal-Furjana kienu anqas biss għadhom huma pjantati. 

Il-Knisja preżenti hija tradizzjonalment attribwita lil Lorenzo Gafa.  Imma fuq studju li sar minn Vincenzo Bonello din il-Knisja issa hija attribwita aktar fiż-żgur lil Mattia Preti.  Il-ħsieb li kellha tinbena oriġina fil-laqgħa tal-Kunsill ta’ l-Ordni fil-15 ta’ April 1676 meta l-Kongregazzjoni kienet iltaqgħet minħabba t-tbatijiet ikkaġunati mill-pesta li sa l-aħħar ta’ l-istess sena ħasdet 6700 ruħ. 

L-ewwel ġebla tal-Knisja ġiet imqiegħda mill-Granmastru fit-8 ta’ Diċembru ta’ l-istess sena quddiem ferħ kbir ta’ folla mdaqqsa li kienet għadha kemm ġiet meħlusa mill-ħruxijiet tal-pesta. 

Il-Knisja ta’ Sarria hija eżempju uniku ta’ unita` artistika fejn it-trattament tal-ġewwieni tagħha jikkumplimenta ħafna dak ta’ barra.  Madankollu, llum il-Knisja ma tistax tiġi aktar apprezzata fis-sbuħija totali tagħha daqs kemm meta kienet għada ġiet mibnija minn Preti. Fil-bidu tas-seklu dsatax il-lanterna ta’ fuq il-koppla ġiet żarmata u minħabba f’hekk l-estetika tal-Knisja tilfet mis-sbuħija ta’ l-estetika oriġinali li kellha.

DOI – 23.01.2007

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow