IL-MINISTRU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN JINDIRIZZA LILL-KONSLI MALTIN
Fil-laqgħa annwali tiegħu mal-Konsli Maltin li jirrappreżentaw pajjiżi barranin f’Malta, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Michael Frendo qal li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qed jaħdem biex tonqos il-kontestazzjoni fuq iż-żoni fejn Malta tista’ tesplora għaż-żejt.
Hu kkalkolat li madwar 70% taż-żona li Malta ssostni li tista’ tagħmel esplorazzjoni għaż-żejt fiha, hi kontestata minn xi pajjiż ieħor. Għalhekk il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qed jaħdem biex dawn il-kontestazzjonijiet jonqsu u pajjiżna jkollu żona akbar fejn jista’ jfittex għaż-żejt mingħajr tfixkil. Il-Ministeru qed jagħmel din il-ħidma għax hekk jitlob l-interess tal-pajjiż.
Il-lum it-tema ta’ l-enerġija tinsab ’l fuq ħafna fuq l-aġenda ta’ diversi pajjiżi u ta’ l-Unjoni Ewropea. L-enerġija u l-produzzjoni tagħha huma importanti ħafna għall-pajjiżna u għalhekk pajjiżna għandu jfittex sorsi alternattivi ta’ enerġija u jassigura li l-poplu tagħna jkollu provvista sigura ta’ enerġija.
Fil-bidu tal-laqgħa, is-Sur Maurice Mizzi, f’isem id-Dekan tal-Korp tal-Konsli, faħħar il-ħidma tal-Ministru Frendo u tal-Ministeru li jmexxi, matul is-sena li għaddiet u b’mod partikolari għax-xogħol siewi li sar fuq il-problema ta’ l-immigrazzjoni illegali.
Huwa qal li l-Konsli li jirrappreżentaw pajjiżi barranin f’Malta daħlu għal impenn biex tul din is-sena, iġib f’Malta almenu delegazzjoni kummerċjali minn kull pajjiż li jirrappreżentaw u jlaqqgħu industrijalisti Maltin ma’ dawn id-delegazzjonijiet bil-ħsieb li jkun hemm ftehim u investiment bi sħab f’pajjiżna.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Frendo saħaq dwar ir-rwol importanti li għandhom il-konsli billi dawn jirrappreżentaw l-interessi ta’ pajjiżi barranin f’pajjiżna. Malta hi pajjiż żgħir u aktar ma jkollna rappreżentanzi ta’ pajjiżi barranin fostna aktar inkunu nistgħu nilħqu pajjiżi oħra. Hu rringrazzja lill-Konsli għas-servizz utli li jagħtu lill-pajjiż.
Dwar l-Immigrazzjoni illegali l-Ministru għall-Affarijiet Barranin qal li matul is-sena li għaddiet saret ħidma kbira minn Malta li wasslet lill-Unjoni Ewropea biex tindirizza hi wkoll din il-problema. Bil-ħidma tagħha Malta uriet li anke pajjiż żgħir jista’ jagħti kontribut importanti madwar il-mejda tad-diskussjoni.
F’dan ir-rigward ta’ min ifakkar ukoll li issa reġgħu bdew ikunu riattivati diversi arranġamenti ma’ pajjiżi barranin li jieħdu immigranti minn pajjiżna biex isibu futur f’pajjiżhom. Dawn l-arranġamenti kienu waqfu malli Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea u issa qed jerġgħu jitħaddmu.
Il-Ministru Frendo faħħar ukoll il-ħidma ta’ l-uffiċjali fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin li minkejja li huma ftit fin-numru huma nies kapaċi u dedikati li qed jagħmlu xogħol li pajjiżi oħra jagħmlu b’ħafna aktar impjegati. Bħalissa għaddej proċess ta’ reklutaġġ ta’ persuni fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u meta jingħażlu n-nies meħtieġa dawn ikunu jistgħu jaħdmu aktar mill-qrib mal-konsli fl-interess ta’ pajjiżna u dawn il-pajjiżi li l-konsli jirrappreżentaw f’Malta.
DOI 23.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958