Jaslu fi tmiemhom iktar korsijiet u skemi ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea f’Għawdex
Ġew fi tmiemhom iktar korsijiet u skemi li kienu offruti speċifikament f’Għawdex permezz ta’ proġett ieħor tal-Ministeru għal Għawdex b’ko- finanzjament ta’ l-Unjoni Ewropea u li minnu bbenefikaw b’mod dirett kważi 170 persuna minn Għawdex.
Il-korsijiet kienu f’suġġetti marbuta mal-qasam tat-turiżmu filwaqt li l-iskemi ġew offruta lil diversi kategoriji ta’ ħaddiema u negozji żgħar Għawdxin. Dan intqal mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex waqt li ppreżentat ċertifikati ta’ attendenza u ta’ parteċipazzjoni lil dawk li ħadu sehem f’din l-inizjattiva meħuda mill-Ministeru għal Għawdex permezz tal-Programm ta’ Fondi Strutturali għal Malta 2004-2006, b’mod partikolari permezz tal-Fond Soċjali Ewropew. Il-proġett, li tmexxa mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (Għawdex), kien tnieda fil-bidu ta’ l-2005.
Il-Ministru Debono qalet li dawn il-mija u sebgħin persuna li segwew korsijiet marbuta mal-qasam turistiku jew ipparteċipaw fi skemi marbuta man-negozju, irnexxielhom jibbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet li ġew offruti f’Għawdex wara li l-Ministeru għal Għawdex indirizza madwar €660,000 favur il-qasam tax-xogħol u r-riżorsi umani ta’ Għawdex.
Il-Ministru Debono qalet ukoll li minbarra dawn il-170 persuna, kien hemm 150 persuna oħra li segwew korsijiet offruti miċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri u miċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Universita’ fl-istess żmien, filwaqt li bħalissa hemm madwar 300 persuna oħra li qed isegwu xi kors ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea f’Għawdex. Dawn l-opportunitajiet edukattivi qed jiġu offruti f’Għawdex għaliex il-Ministeru għal Għawdex identifika għadd ta’ suġġetti li dwarhom ingħata taħriġ b’xejn lill-Għawdxin ta’ iktar minn 16-il sena.
Il-Ministru Debono qalet li l-Ministeru għal Għawdex ried jinvesti bis-sħiħ fit-tisħiħ tar-riżorsi umani f’Għawdex billi jipprovdi kemm jista’ jkun opportunitajiet ta’ taħriġ lill-adulti f’Għawdex stess. Minbarra l-korsijiet li ġew offruti, il-Ministru Debono qalet li t-tlett skemi mfassla speċifikament għal Għawdex ukoll kisbu suċċess wara li kienu diversi l-Għawdxin li applikaw għalihom.
L-iktar skema li qanqlet interess kienet dik immirata lejn il-gradwati Għawdxin mingħajr impjieg u lejn negozji żgħar u medji Għawdxin. Iż-żewġ skemi l-oħra – waħda biex jitjieb l-użu ta’ l-informatika fin-negozji eżistenti, u skema ta’ għajnuna għal min hu mingħajr impjieg biex joħloq negozju ġdid – ukoll kienu suċċess.
Il-Ministru Debono rreferiet għal dawn l-inizjattivi bħala ħolqa f’katina ta’ proġetti u inizjattivi mmirati li jtejbu l-kwalitajiet ta’ Għawdex u l-Għawdxin fejn tidħol il-kompetittivita’. Il-Ministru Debono semmiet ukoll proġetti oħra li għaddejjin f’Għawdex bħalissa li wkoll għandhom l-għan li jtejbu l-qasam ta’ l-impjiegi, fosthom il-proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ faċilita’ għal studji turistiċi u l-proġett ta’ l-Incubation Centre għall-artiġjana Għawdxin.
Il-Ministru Debono rreferiet ukoll għall-ħidma tal-Gvern matul din is-sena li mistennija tkun waħda fejn jitwettqu diversi proġetti għall-ġid ta’ Għawdex. B’mod partikolari, il-Ministru Debono rreferiet għall-allokazzjoni finanzjarja ta’ minimu ta’ 10% tal-fondi li l-Unjoni Ewropea allokat għal Malta għall-2007-2013, għall-benefiċċju speċifiku ta’ Għawdex.
DOI - 22.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958