Kunċert minn Miriam Gauci flimkien ma’ l-Orkestra Nazzjonali
“F’dawn l-aħħar snin il-ħidma ta’ l-Orkestra Nazzjonali kibret b’tali mod li llum din l-Orkestra m’għadhiex aktar il-patrimonju tal-ftit, iżda saret tal-Maltin kollha ta’ kull eta’ li jaraw fiha l-mezz kif tinxtered il-kultura tal-mużika fost il-poplu Malti u fost il-barranin.”
Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet fil-lukanda Hilton, San Ġiljan fejn nieda l-Kunċert ta’ Miriam Gauci flimkien ma’ l-Orkestra Nazzjonali li ser jittella’ nhar is-Sibt 3 ta’ Marzu.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Orkestra Nazzjonali permezz tal-ħidma tagħha kienet qed tagħti ġieħ lil kompożituri Maltin. Hu qal li s’issa diġa’ saru kunċerti b’mużika ta’ kompożituri Maltin, fosthom Nicolò Isouard, Paolino Vassallo, Carlo Diacono u Carmelo Pace. Hu qal li matul din is-sena l-Orkestra Nazzjonali ser tkompli tagħti ġieħ lil kompożituri Maltin li għamlu isem f’pajjiżna u ’l bogħod minn xtutna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li tul iż-żminijiet pajjiżna kien ukoll mogħni b’kantanti kbar li għamlu isem lokalment u barra minn Malta. Hu qal li llum ukoll nistgħu niftaħru b’numru ta’ kantanti kbar li jagħmlulna unur. Hu semma fost dawn lit-tenur Joseph Calleja u lis-sopran Lydia Caruana li tat presentazzjoni mill-aqwa flimkien mal-kantant Taljan Andrea Bocelli.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li isem ieħor kbir fost il-kantanti Maltin kienet is-sopran Miriam Guaci. Hu qal li Miriam Gauci kienet tgawdi minn karriera u reputazzjoni internazzjonali b’wirjiet fl-aqwa teatri ta’ l-Ewropa u l-Istati Uniti. Hu qal li meta tqis kemm din is-sopran hi mitluba biex tkanta barra pajjiżna, il-kunċert li ser tagħti flimkien ma’ l-Orkestra Nazzjonali f’Marzu jieħu sinifikat partikolari.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li din kienet opportunità oħra għall-poplu Malti biex jisma’ vuċi hekk qawwija u fl-istess waqt ġentili waqt kunċert ‘live’. Hu qal li ma kellux dubbju li l-Orkestra Nazzjonali kienet ser takkompanja bl-aktar mod professjonali lil Miriam Gauci.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lic-Chairman u lill-Bord tad-Diretturi għall-ħidma tagħhom b’risq il-kultura mużikali Maltija. Hu qal li f’din il-ħidma l-Orkestra Nazzjonali kienet qed tagħmel l-aħjar użu minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea. Hu qal li l-Orkestra Nazzjonali permezz tal-Leonardo Da Vinci mobility programme fi ħdan il-qafas ta’ Kultura 2000 ta’ l-UE kienet qed twettaq proġett flimkien mal-Brno Philarmonie bħala sieħeb fil-proġett. Hu qal li dan il-proġett involva 10 mużiċisti f’sessjonijiet ta’ kunċerti u żewġ kunċerti mal-Brno Philharmonie f’Awissu 2006 matul il-Festival ta’ Spilberk.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Orkestra Nazzjonali kienet żviluppat ukoll koperazzjoni ma’ l-Orchestra Sinfonica di Pesaro; l-Orkestra u l-Kor Sinfoniku ta’ Milan La Verdi; u l-Orkestra u l-konservatorju Svizzera Italiana.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien persważ li l-Orkestra Nazzjonali kienet vetrina tal-kultura mużikali ta’ pajjiżna li kienet ukoll tikkontribwixxi lejn li nkomplu ngħollu l-prodott turistiku tagħna.
DOI - 22.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958