SCOOPS: Studenti b’Inizjattiva u Kreattività
SCOOPS: Studenti b’Inizjattiva u Kreattività
“Id-dinja tax-xogħol illum tippremja sew lil dawk iż-żgħażagħ li kapaċi juru inizjattiva, kreattività u sens imprenditorjali. SCOOPS fl-iskejjel sekondarji jimmira eżatt biex isaħħaħ dawn il-ħiliet fl-istudenti taħna”. Dan qalu l-Onor. Louis Galea, Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, fl-inawgurazzjoni ta’ VETRINA SCOOPS li din is-sena qed tiġi organizzata fil-Fondazzjoni Reggie Miller, Workers Memorial Building, il-Belt Valletta.
Din l-attività, VETRINA SCOOPS, tinkoraġġixxi lill-istudenti membri ta’ SCOOPS kif ukoll lill-edukaturi sabiex jiltaqgħu ma’ membri u għalliema minn skejjel oħra. B’hekk joħolqu network permezz ta’ workshops u preżentazzjonijiet kreattivi u edukattivi.
It-tema tal-VETRINA ta’ din is-sena kienet SCOOPS: Studenti b’inizjattiva u kreattività. L-istudenti tqassmu fi gruppi u flimkien ma’ persuna li tanima s-sessjoni, ħadmu fuq tema partikolari li torbot man-negozju, il-koperattivi u l-imprenditorija.
Il-persuni li ggwidaw il-gruppi ta’ studenti kienu kollha persuni ġejjin mid-dinja ta’ l-imprenditorija u għalhekk bl-esperjenza tagħhom taw daqqa t’id lil dawn in-negozjanti żagħżagħ.
L-għalliema-managers ta’ Scoops, min-naħa l-oħra, kellhom sessjoni ta’ taħriġ u diskussjoni dwar il-Koperattivi mas-Sur Peter Morales, President u mas-Sur Ray Cassar, Chief Executive Officer ta’ l-APEX, l-Organizzazzjoni tal-Koperattivi Maltin.
Il-Ministru Louis Galea, dar il-gruppi ta’ studenti waqt li kienu qegħdin jaħdmu u tkellem ma’ diversi membri ta’ SCOOPS. Kellu ċ-ċans ukoll jitħaddet ma’ diversi għalliema waqt is-sessjoni tagħhom dwar il-koperattivi. Louis Galea qal li inizjattivi bħall-iscoops fost l-istudenti fil-livell sekondarju u l-Young Enterprise fil-livell post-sekondarju jagħtu opportunità lill-istudenti biex jieħdu esperjenza ta’ mudelli differenti ta’ intrapriżi u fl-istess ħin jirfinaw l-ħiliet imprenditorjali li għandhom. Hu ħeġġeġ lill-istudenti jieħdu din l-opportunita’ bis-serjeta’ kollha għax dak li jitgħallmu f’dawn l-esperjenzi żgur li jiswielhom ħafna tul il-ħajja tagħhom fix-xogħol.
Wara l-istudenti taw preżentazzjonijiet kreattivi dwar it-tema li huma analiżżaw. Il-mistiedna distinti, fosthom is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji iż-Żgħar l-Onor. Edwin Vassallo, l-Onor. Carmelo Abela u l-Onor. Joe Abela, Kelliema ta’ l-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u għall-Koperattivi rispettivament, osservaw ix-xogħol tal-gruppi kif ukoll kellhom diskussjoni mal-parteċipanti dwar aspetti tan-negozju u tal-koperattivi. Il-Proġett SCOOPS huwa wieħed tal-Bord tal-Koperattivi.
Aktar tagħrif: Outlook Coop scoops@outlook.coop
Telefown: 2144 1604 Website: www.scoops.org.mt
DOI – 19.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958