Tisbiħ ta’ Promenade f’Għar id-Dud
L-impenn tal-Gvern favur it-titjib u t-tisbiħ ta’ l-ambjent infrastrutturali ta’ pajjiżna jkopri mhux biss l-aspett urban iżda jinkludi wkoll żoni fejn il-pubbliku u t-turist li jżurna jkun jista’ jgawdi l-pajsaġġ viċin ix-xtut tagħna. Ix-xogħol li sar fl-aħħar snin f’postijiet simili u f’bini u tisbiħ ta’ promenades, juri li l-Gvern b’mod konkret għandu viżjoni sabiex pajjiżna jkun isbaħ u aħjar. Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit waqt żjara li għamel f’Għar id-Dud fejn bħalissa qed isiru l-aħħar xogħlijiet fuq il-promenade minn Għar id-dud sa Qui Si Sana.
Il-Ministru Ninu Zammit spjega li wara li saru x-xogħlijiet fuq it-tiswija tal-ħajt li jifred il-promenade minn max-xatt, li l-biċċa l-kbira minnu ġie mibni mill-ġdid minħabba li kellu ħsarat konsiderevoli, saret ukoll belveder li tagħti għal fuq il-parti fejn kien mibni x-Chalet u sar taraġ ġdid li jagħti għal fuq il-blat . Inbena wkoll is-sottobank bil-bollards tal-konkos biex fuqu qed jiġi nstallat railing tal-ħadid galvanizzat.
Wara li sar dan ix-xogħol ġew mgħoddija s-servizzi kollha inkluż sistema ta’ culverts u sussegwentament beda l-pavimentar li għandu l-istess pattern tal-Front sabiex b’hekk la darba jkun komplut il-promenade kollu jkun konformi ma’ dak li diġa’ lest. Il-Ministru Ninu Zammit qal li dan ix-xogħol kollu qed isir mill-ħaddiema tal-Gvern u miegħu ser jiġu mmanufatturati madwar 46 bank ġdid, kontenituri ta’ l-iskart flimkien ma’ nstallazjoni ta’ 24 arblu ta’ dawl dekorattiv. L-area kollha tal-pavimentar tkopri madwar 4,200 metru kwadru. Il-valur tax-xogħol hu stmat li jkun madwar Lm200,000 (inkluz il-pagi tal-ħaddiema) u l-istess xogħol ta’ tisbiħ huwa ppjanat li jkun lest għal Marzu 2007.
Il-Perit Ninu Zammit kompla jgħid li biex il-promenade tingħata dehra aħjar u aktar attraenti għan-numru kbir ta’ nies li jiffrekwentah, inħass il-bżonn li l-gabbani wkoll ikunu konformi mad-disinn magħżul. Għaldaqstant wara li saru d-diskussjonijiet mas-sidien tal-gabbani, tħejjew disinji simili bħal gabbani oħra fuq il-front u ġew sottomessi applikazzjonijiet quddiem il-MEPA sabiex jiġu mmanifatturati gabbani ġodda fuq stil modern li jikkumplimenta maż-żona. Ix-xogħol ta’ bdil ta’ l-gabbani ovvjament ser isir mill-operaturi tagħhom.
Fattur interessanti f’dan il-promenade se jkun it-tqegħid ta’ band stand f’post prinċipali fuq dan il-promenade. Dan il-band stand ser jintroduċi organizzazzjoni ta’ kunċerti u live music minn bands lokali u fl-istess ħin ser jagħti aktar ħajja lil din iż-żona f’tas-Sliema.
Il-Ministru Ninu Zammit tenna li xogħlijiet oħra f’zoni simili saru matul l-2006 bħal proġett tal-belveder ta’ Wied Babu, fil-promenade tax-Xemxija, u x-xogħol li għaddej fil-promenade ta’ Tax-Xbiex. Matul din is-sena mistenni li jibda x-xogħol fuq il-bini ta’ promenade f’Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk, u t-tieni fażi tal-proġett tal-belveder minn Wied iż-Zurrieq sa Hagar Qim.
Permezz tal-ħaddiema kollha tal-Gvern fi ħdan il-Ministeru, b’investiment finanzjarju mill-Gvern Ċentrali u b’investiment f’makkinarju adekwat ghall-ħaddiema, qed jiġu mplimentati proġetti skond standards adekwati, f’perjodi stabbiliti bl-iskop ewlieni li pajjiżna jingħata dehra isbaħ u aħjar għal ġid tal-poplu Malti, temm jgħid il-Ministru Ninu Zammit.
DOI – 19.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958