DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU TA’ MALTA, WAQT L-ISKAMBJU TA’ L-AWGURI GĦAS-SENA L-ĠDIDA MAL-KORP DIPLOMATIKU – BERĠA TA’ KASTILJA – IL-ĠIMGĦA, 19 TA’ JANNAR 2007
Għal darba oħra għandi l-opportunità sabiħa li nagħtikom merħba fil-bidu ta’ Sena Ġdida. Nagħti l-isbaħ xewqat lilkom u lill-membri kollha tal-familji tagħkom. Permezz tagħkom ukoll nixtieq inwassal l-awguri mill-qalb u l-isbaħ xewqat tal-Gvern tiegħi u tal-poplu Malti lill-Gvern u l-poplu tagħkom.
Kull sena li tgħaddi ġġib magħha l-perspettivi differenti tagħha. Hekk kif aħna nirriflettu fuq il-ġrajjiet tas-sena li tkun għadha kif għaddiet hekk ukoll inħarsu ’l quddiem għall-isfidi tax-xhur li ġejjin.
Fl-inħawi usa’ tal-Mediterran, xahar ta’ ġlied imdemmi matul is-sajf fil-Libanu kien fost l-eqqel minn perijodu ta’ nkwiet kbir fil-Lvant Nofsani. L-għeruq ta’ dan il-ġlied huma ferm ’il bogħod milli jiġu riżolti.
Aħna naqsmu l-ħafna sentimenti ta’ dwejjaq kbar li s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li għadu kif spiċċa sejjaħ bħala konflitt traġiku li ha wisq żmien biex jieqaf. Meta ttieħdet ir-riżoluzzjoni 1701 mill-Kunsill tas-Sigurtà, li ġabet il-ġlied fi tmiemu, ġie fid-deher li azzjoni internazzjonali effikaċi hija possibbli f’mumenti ta’ kriżi. Wieħed ta’ min jinnota li s-sehem ta’ l-Unjoni Ewropea kien siewi b’mod partikolari sew biex jiżgura preżenza biex iżżomm il-paċi fl-inħawi kif ukoll biex tipprovdi l-assistenza umanitarja meħtieġa. Fl-istess waqt ikollna nammettu li d-dewmien biex tittieħed l-azzjoni meħtieġa kien fih innifsu sinjal kbir u inkwetanti ta’ dgħjufija u nuqqas ta’ effikaċja.
Kull waħda mill-ħafna manifestazzjonijiet ta’ konflitti fil-Lvant Nofsani għandha l-komplessitajiet individwali tagħha. Ħafna jafu li, minkejja dan kollu, dawn il-ħafna manifestazzjonijiet huma relatati ma’ xulxin. Ħafna huma konvinti li din ir-rabta għandha l-għeruq tagħha fil-problema Palestinjana. Malta taqbel ma’ din l-evalwazzjoni.
Id-dilemma konsistenti fil-Palestina hija kif tħoll it-truf imħabbla tal-konflitt Iżraeli-Palestinjan. L-Iżraeliti jippretendu bi dritt li jissalvagwardjaw is-sigurtà tagħhom ġewwa t-territorju nazzjonali tagħhom. Il-Palestinjani wkoll jippretendu bi dritt ugwali li jasserixxu kontroll fuq art twelidhom.
Uħud jikkunsidraw dawn l-affermazzjonijiet bħala irrikonċiljabbli u jaġixxu bħallikieku l-użu tal-vjolenza u l-forza biss għandu jsolvihom.
Madankollu, hafna Iżraeliti u Palestinjani, flimkien mal-maġġoranza kbira tal-komunità internazzjonali, jemmnu li soluzzjoni paċifika hija possibbli a bażi tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati kif murija fil-Quartet Road Map.
Dawk fostna li jixtiequ jinkoraġġixxu evoluzzjoni paċifika bħal din jinħtiġilna li nkunu dejjem aktar assertivi fl-appoġġ tagħna għall-isforzi ta’ kull naħa biex nippromwovu l-proċess ta’ paċi. Fl-istess ħin m’għandu jkollna l-ebda ambigwità meta aħna nopponu dawk l-azzjonijiet li jmorru kontra l-proċess ta’ paċi.
F’dan l-ispirtu nixtiequ nilqgħu u ninkoraġġixxu l-konsultazzjonijiet li bdew dan l-aħħar bejn il-Prim Ministru Olmert u l-President Abbas. Dawn iż-żewġ mexxejja jkollhom jieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi u ta’ importanza kbira biex jiggwidaw lill-popli tagħhom ’il barra mill-istaġnar ta’ konflitt li ilu jtul għexieren ta’ snin. Jinħtieġu l-appoġġ sħiħ u attiv tal-komunità internazzjonali fl-isforzi tagħhom.
Mill-banda l-ohra, aħna nikkundannaw kategorikament l-attakki kontinwi bir-rockets fuq l-Iżrael, kif ukoll l-espansjoni kontinwa ta’ bini ta’ rħula Iżraeliti u l-aħħar proposta biex jagħtu bidu għall-bini ta’ rħula ġodda fuq ix-Xatt tal-Punent. Dawn l-azzjonijiet imorru direttament kontra l-isforzi kollha li jwasslu għall-paċi. Il-komunità internazzjonali tinħtiġilha tfittex metodi effettivi li permezz tagħhom tkun tista’ turi l-oppożizzjoni attiva tagħha għal azzjonijiet bħal dawn.
Ħafna drabi, meta l-komunità internazzjonali ma jirnexxilhiex li tittratta bla telf ta’ żmien ma’ problemi bħal din fil-Palestina, turi li huwa sinjal ta’ dgħjufija, jew anke falliment, tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.
Aktar qribna, fl-aħħar snin, il-wasla ta’ mijiet ta’ immigranti irregolari fuq xtutna sar fenomenu inkwetanti u mhux mixtieq fil-ħajja Maltija.
Fl-aħħar tnax-il xahar, u speċjalment matul is-sajf, l-influss ta’ wasliet irregolari reġa’ għal darba oħra wassluna fil-limitu ta’ kemm nifilħu nittrattaw ma’ din il-problema.
Ninsabu frustrati bit-tfixkil li dan l-influss qed iħalli fuq il-kapaċità tagħna biex nittrattaw b’mod umanitarju u effiċjenti ma’ dawk il-każi li ġustament ikun ħaqqhom il-kura u l-attenzjoni tagħna.
Ninsabu xxukkjati bl-għadd ta’ nies li qed jitilfu ħajjithom madwar xtutna u li ħafna drabi jkun ir-riżultat traġiku ta’ ħidmiet illegali li jisfruttaw it-tbatija umana.
Il-Konferenzi Ministerjali fil-Marokk u l-Libja matul l-2006 bnew is-sisien għal djalogu estensiv bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika dwar l-immigrazzjoni u l-iżvilupp. Il-Kunsill Ewropew f’Diċembru qabel fuq Politika Ewropea Komprensiva dwar l-Immigrazzjoni. Din torbot flimkien azzjoni preventiva temporanja ma’ azzjoni relatata ma’ żvilupp aktar fit-tul.
Aħna ninsabu fiduċjużi li dan il-proċess inkoraġġanti jkompli matul l-2007 sew fil-qafas Ewro-Mediterranju, kif ukoll fil-Konferenza Ministerjali proposta fuq l-immigrazzjoni. Malta se tibqa’ involuta attivament fil-proċess.
F’perspettiva aktar wiesa’, qegħdin insegwu b’interess kif se jkompli l-aħħar Djalogu ta’ Livell Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti f’Settembru dwar l-Immigrazzjoni u Żvilupp Internazzjonali. L-inizjattiva tal-Belġju biex tospita l-ewwel laqgħa tal-Forum Globali dwar l-Immigrazzjoni u Żvilupp Internazzjonali f’Lulju ta’ l-2007 huwa pass tajjeb f’dan ir-rigward.
Problemi internazzjonali jinħtieġu soluzzjonijiet internazzjonali u, f’dan ir-rigward, l-isforz il-kbir għar-riforma fin-Nazzjonijiet Uniti, li għaddej bħal issa, jinħtieġ l-appoġġ tagħna.
In-Nazzjonijiet Uniti għalqet is-sittin sena u, fi kliem is-Segretarju Ġenerali l-ġdid, is-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti nnifsu ma jurix sinjali ta’ għeja. Madankollu, ftit hemm x’juri li riforma istituzzjonali, għalkemm hija meħtieġa, se twassal awtomatikament biex is-saltna tad-dritt tiġi applikata b’mod aktar effettiv fuq il-mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali.
Is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti hija mfassla biex isservi bħala forum fejn id-diplomazija tieħu post il-forza fir-relazzjonijiet internazzjonali, fejn appoġġ reċiproku jieħu post rivalità fit-tfittxija għal żvilupp nazzjonali, u fejn responsabbiltà kondiviża tieħu post nazzjonijiet b’sovranità assoluta biex jissalvagwardjaw u jippromwovu d-drittijiet u dinjità ta’ individwi madwar id-dinja. Il-punt sa fejn l-istati jaqblu li jużaw il-forum kif imfassal huwa aktar kwistjoni ta’ għażla politika milli effettività istituzzjonali.
F’dawn l-aħħar sentejn seħħew xi miżuri sinifikanti għal riforma istituzzjonali. Wieħed mill-akbar passi ’l quddiem f’dawn l-aħħar tnax-il xahar kien it-twaqqif tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Magħqud flimkien ma’ riformi oħra li qed isiru, li nittamaw ikunu jkopru wkoll il-Kunsill tas-Sigurtà, dan għandu jgħin biex jifforma ambjent li jinkoraġġixxi li toħroġ dejjem aktar ir-rieda politika meħtieġa biex tittratta r-realtajiet internazzjonali numerużi u kumplessi fuq bażi ta’ ekwità u s-saltna tad-dritt.
Minkejja dan, kif urietna l-esperjenza tad-Doha Round Negotiations fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, riforma istituzzjonali għaliha waħidha mhix biżżejjed. L-esperjenzi tal-ħafna snin mingħajr attività tal-Konferenza dwar id-Diżarm, u l-ewwel ftit xhur tal-Kunsill il-ġdid dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jagħtu lejn l-istess direzzjoni.
Dimensjoni waħda ta’ progress importanti u li tagħmillek kuraġġ fis-sistema internazzjonali hija r-rwol dejjem jikber u r-rilevanza ta’ organizzazzjonijiet reġjonali fit-tfittxija għal paċi u sigurtà.
L-Unjoni Ewropea qed tkompli turi t-triq billi ssib imsieħba fi sforzi reġjonali u globali li jasslu biex konflitti jiġu riżolti. Matul l-aħħar tnax-il xahar, żviluppi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo kienu eżempju ta’ suċċess fil-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti. Id-deciżjoni unanima reċenti tal-Kunsill tas-Sigurtà fuq l-Iran u l-Proliferazzjoni Nukleari tmexxiet minn tliet membri ta’ l-Unjoni.
L-Unjoni Afrikana qed tieħu rwol importanti fit-tfittxija għal soluzzjoni fil-qagħda traġika f’Darfur. Il-prospetti li bil-mod ħerġin mill-isħubija bejn l-Unjoni Afrikana u n-Nazzjonijiet Uniti meta jittrattaw ma’ din il-problema jistgħu b’mod fiduċjuż jipprovdu mudell ġdid għal ħidmiet futuri għaż-żamma tal-paċi. Is-sitwazzjoni fis-Somalja qed tippreżenta opportunità oħra biex tittieħed azzjoni ta’ kooperazzjoni bejn in-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Afrikana.
Mal-ġirien tagħha, l-Unjoni Ewropea tibqa’ fattur essenzjali fil-Lvant Nofsani u l-Balkani. Hija tkompli wkoll tipprovdi motivazzjoni u appoġġ lejn proċess Ewro-Mediterranju.
L-appoġġ kontinwu ta’ l-Unjoni Ewropea lill-forzi ta’ żamma tal-paċi ta’ l-Unjoni Afrikana fl-Afrika, kif ukoll fil-missjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea li dejjem qed jiżdiedu fi kriżijiet ċivili, immirati partikolarment biex isaħħu l-kapacità fil-qasam tal-ġustizzja u s-saltna tad-dritt, jirriflettu l-vitalità li dejjem qed tikber tal-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni ta’ l-Unjoni Ewropea.
Fix-xhur li ġejjin is-sitwazzjoni fil-Balkani, u b’mod speċjali f’Kosovo, se tkun ta’ sfida kbira għad-diplomazija Ewropea. L-Unjoni għandha rwol partikolarment sensittiv f’dan ir-reġjun, fejn l-isforzi biex tirriżolvi sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna drabi jingħaqdu ma’ l-għanijiet aktar wiesa’ tal-perspettiva ta’ l-Unjoni Ewropea.
Malta tibqa’ tappoġġja l-prospett għall-espansjoni dejjem akbar ta’ l-Unjoni. Wara l-adeżjoni mixtieqa taż-żewġ Membri ġodda – il-Bulgarija u r-Rumanija – l-attenzjoni dejjem tmur fuq il-Balkani tal-Punent u t-Turkija. Fl-istess ħin aħna konvinti li l-proċess tat-tkabbir għandu jkompli jitmexxa b’konformità sħiħa mal-parametri essenzjali tas-sħubija ta’ l-Unjoni Ewropea, ibbażati fuq il-valuri tar-rispett lejn id-dinjità umana, libertà, demokrazija, ugwaljanza, is-saltna tad-dritt u rispett għad-drittijiet tal-bniedem.
L-interess tagħna fl-espansjoni ta’ l-Unjoni Ewropea lejn il-Balkani u t-Turkija jifforma parti mir-rekord konsistenti tagħna ta’ interess u impenn fl-isforzi lejn it-tisħiħ tas-sigurtà u kooperazzjoni fil-Mediterran, bħala parti mill-proċess aktar wiesa’ ta’ sigurtà u kooperazzjoni fl-Ewropa.
Malta dejjem appoġġjat b’entużjażmu l-inizjattiva Ewro-Mediterranja. Matul dawn l-aħħar xhur kellna s-sodisfazzjon li naraw il-frott ta’ inizjattivi reġjonali oħra li fihom Malta kienet impenjata għal żmien twil – l-inawgurazzjoni ta’ l-Assemblea Parlamentari għall-Mediterran, fil-qafas ta’ l-IPU.
Aħna se nkomplu wkoll insegwu b’interess il-programmi tal-ġirien tagħna fl-Unjoni Ewropea, speċjalment mal-pajjiżi Għarab. Huwa f’dan l-ispirtu li aħna qed inressqu proposti biex niżviluppaw djalogu politiku aktar strutturat u impenjattiv bejn l-Unjoni u l-Lega Għarbija.
L-esperjenza tagħna fis-sħubija ma’ l-Unjoni Ewropea, li issa qed timmatura fit-tielet sena tagħha, tipprovdi raġuni soda ta’ sodisfazzjon.
Aħna konsistentement qegħdin niffamiljarizzaw irwieħna mal-metodi komplikati li bihom l-Unjoni tifformula l-pożizzjonijiet tagħha sew rigward materji interni kif ukoll dawk esterni. Dan qed ifornina b’pjattaforma utli biex nipproġettaw il-perspettivi u l-ideat tagħna fuq dawk il-kwistjonijiet li jikkonċernawna l-aktar.
F’dan l-ispirtu aħna konna, u beħsiebna nibqgħu, impennjati attivament fid-diskussjonijiet ta’ kwistjonijiet importanti bħall-immigrazzjoni, materji interni dwar kompetittività, trasport, sajd, protezzjoni ta’ l-ambjent, tassazzjoni, kif ukoll kwistjonijiet esteri bħall-Palestina, u l-Proċess Ewro-Mediterranju.
Aħna nibqgħu interessati ħafna fl-evoluzzjoni dejjem aktar ta’ l-Unjoni fil-qasam tal-libertà, sigurtà u gustizzja mingħajr fruntieri interni, u suq intern fejn il-kompetizzjoni tkun ħielsa u ġusta. Din is-sena wkoll l-Unjoni Ewropea tiċċelebra l-ħamsin anniversarju mit-Trattat ta’ Ruma u l-Kunsill ta’ l-Ewropa jkun qed jeżamina aktar miżuri fl-iżvilupp kostituzzjonali ta’ l-Unjoni. Aħna beħsiebna nsegwu b’interess u attenzjoni l-inizjattivi li l-Presidenzi ta’ din is-sena, dik Ġermaniża u dik Portugiża, jista’ jkollhom f’dawn l-oqsma.
Aħna nilqgħu wkoll il-pubblikazzjoni tad-Dokument għad-Diskussjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika Marittima. Bħala parti mill-konsultazzjonijiet dwar l-effetti ta’ l-Ewropa fuq l-oceani u l-ibħra, Malta din is-sena se tospita konferenza internazzjonali bit-tema “Ippjanar Spazjali Marittimu u r-Reġjun Ewro-Mediterranju”.
L-isfida ta’ tibdil fil-klima hija wkoll ta’ importanza kbira minħabba l-fatt li l-konsegwenzi fit-tul isiru aktar ċari u informazzjoni minn studji reċenti turi li l-ispejjeż għal min ma jiħux azzjoni għall-ekonomija globali huma ferm akbar b’mod sinifikanti mill-ispejjeż ta’ azzjoni. Malta se tkompli tieħu sehem attiv fid-diskussjonijiet fuq dan is-suġġett sew fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-arena tan-Nazzjonijiet Uniti.
Matul l-2007, il-progress mistenni fi tliet żviluppi kontinwi se jagħti sinjal ukoll ta’ l-integrazzjoni tagħna b’mod aktar mill-qrib fi ħdan l-Unjoni.
L-ewwelnett, matul ix-xhur li għaddew aħna stinkajna b’mod assidwu mal-Kummissjoni biex niffinalizzaw strateġija u programm biex nutilizzaw 855 miljun Euro ta’ Fondi Strutturali u tal-Koeżjoni li ġew allokati lil Malta skond il-perspettiva finanzjarja ta’ l-2007-2013.
Din l-istrateġija issa hija finalizzata, u l-baġit tagħna għas-sena 2007 jaħseb għal nefqa ta’ ’l fuq minn 50 miljun Euro biex jiġu allokati għal proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Il-proġetti se jkopru numru ta’ prijoritajiet kruċjali tagħna, inklużi l-edukazzjoni u taħriġ, xogħol u inklużjoni soċjali, riċerka u innovazzjoni, turiżmu, patrimonju storiku, industrija, ambjent, trasport u enerġija alternattiva. Dawn il-proġetti jkomplu jenfasizzaw kemm huwa prattiku u konkret ir-rwol tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea fil-proċess ta’ l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ Malta.
It-tieni punt: aħna nilqgħu l-pjani biex jidaħħlu fis-sistema Schengen il-biċċa l-kbira tal-Membri ġodda ta’ l-Unjoni Ewropea fil-futur qarib. Huwa mistenni li l-kontrolli tal-periferiji tal-baħar ta’ Malta mal-kumplament taż-żona Schengen se jitneħħew sa Diċembru ta’ l-2007 waqt li l-kontrolli tal-periferiji ta’ l-ajru se jitneħħew sa Marzu ta’ l-2008.
It-tielet punt: matul dawn l-aħħar sentejn Malta ħadmet ħafna biex tilħaq il-miri biex tingħaqad ma’ l-Eurozone u tadotta l-Euro fl-1 ta’ Jannar 2008. L-akbar sfida f’dan il-kuntest kienet li nnaqqsu d-deficit tal-baġit tagħna minn livell għoli ta’ madwar 10% tal-GDP fl-2003 għal madwar 3% fl-2006.
L-isforzi tagħna kellhom suċċess kbir. L-aħħar figuri juru li d-deficit għas-sena l-ohra kien ta’ 2.8 % tal-GDP tagħna. Din is-sena huwa mistenni li jitniżżel aktar għal 2.5%.
Dan li ksibna huwa kemm indikazzjoni tas-saħħa ta’ l-andament ekonomiku ta’ Malta, kif ukoll konferma tal-mod sod li bih il-finanzi tal-pajjiż ġew ġestiti. Tagħmel kuraġġ lilna lkoll, għat-tnax-il xahar li ġejjin, li nilħqu l-mira tagħna ta’ l-ewwel ta’ Jannar 2008.
Matul il-biċċa l-kbira tas-sena l-oħra l-prezzijiet kienu effettwati mill-prezz ta’ l-enerġija. L-inflazzjoni dan l-aħħar waqgħet lura għal 2.6% u issa daħlet fil-marġini ta’ rata ta’ riferenza biex nadottaw l-Euro. Fl-aħħar rapport tagħha ta’ konverġenza, il-Kummissjoni ta’ l-Unjoni Ewropea kkonfermat l-aspettattiva tagħna li r-rata ta’ inflazzjoni ta’ Malta għandha tibqa’ fi triq moderata tan-nofs hekk kif ix-xokk tal-prezz ta’ l-enerġija jisfuma fix-xejn.
Aħna nibqgħu konvinti li s-sħubija fl-Eurozone se ġġib benefiċċji sinifikanti u għat-tul lil Malta, permezz ta’ l-effetti ta’ l-istabbiltà fil-prezzijiet u t-tneħħija tar-riskji tar-rati tal-kambju. Minn naħa l-oħra, dan l-iżvilupp għandu jkollu l-effetti benefiċi tiegħu fuq l-istabbiltà ekonomika, b’hekk jikkontribwixxi biex jagħmel l-ambjent ta’ investiment tagħna aktar attraenti.
Fl-ewwel sitt xhur ta’ l-2006, l-ekonomija tagħna kibret b’madwar 2.6% f’termini reali. Dan jikkompara tajjeb mat-tkabbir ta’ 1.7% matul l-istess perijodu fl-2005.
Ir-rata tal-qgħad tagħna, ibbażata fuq rekords amministrattivi, niżlet għal 4.6% meta mqabbla ma’ 4.8% fl-istess xahar tas-sena ta’ qabel.
L-investiment fil-bini u makkinarju żdied b’7.4% meta mqabbel ma’ l-istess perijodu tas-sena l-ohra, bl-investiment fis-settur tal-manifattura jiżdied bi kważi 30%.
Fil-kummerċ barrani l-valur ta’ esportazzjoni tagħna żdied b’aktar minn 16.6% għall-ewwel nofs ta’ l-2006. Kien hemm żieda fil-valur ta’ l-importazzjoni ta’ 14%.
Id-deficit għoli endemiku tagħna fil-kummerċ tal-prodotti jibqa’ l-biċċa l-kbira tiegħu kumpensat bis-surplus sostanzjali mis-servizzi u inflows ta’ investiment dirett barrani nett kontra trasferimenti ta’ kapital. Dħul mit-turiżmu żdied minkejja tnaqqis fin-numru ta’ turisti.
Fl-aħħar xhur ħadna miżuri ġodda biex insostnu u nattrezzaw mill-ġdid l-ekonomija tagħna bi tħejjija għall-isfidi futuri. Nidejna l-proċess ta’ riforma fil-pensjonijiet u ppubblikajna strateġija industrijali ġdida għal Malta.
L-għan tagħna huwa li noħolqu l-kundizzjonijiet li jipprovdu l-bażi għal titjib kontinwu fil-produttività f’pajjiżna, waqt li niżguraw kundizzjonijiet imseddqa ta’ għixien u xogħol għaċ-ċittadini Maltin kollha.
Fl-istess ħin aħna ninsabu kontinwament attenti għall-obbligi tas-soċjetà lejn il-bżonnijiet u interessi ta’ dawk l-aktar vulnerabbli u dgħajfa fostna. F’dan l-ispirtu aħna nkomplu nagħtu importanza partikulari lill-programmi soċjali tagħna, fl-edukazzjoni, saħħa u solidarjetà soċjali in ġenerali.
L-inawgurazzjoni, kif ippjanajna, ta’ l-Isptar il-ġdid Mater Dei fl-Lulju ta’ din is-sena, ikun jikkostitwixxi kisba notevoli f’dan ir-rigward. Dan kien l-akbar proġett li l-Gvern Malti qatt daħal għalih. Aħna kburin li dan il-proġett huwa wieħed li l-għan prinċipali tiegħu hu li jippermetti lill-poplu Malti li jibda jgawdi minn qabża kbira ’l quddiem fis-servizzi tas-saħħa.
Waqt li nafu bl-isforzi u l-limitazzjonijiet li naħdmu fihom, aħna konxji bl-istess mod bil-ħafna vantaġġi u opportunitajiet li għandna fil-qrib. L-akbar vantaġġ li għandna jibqa’ fir-riżorsi umani – f’forma ta’ haddiema kreattivi, adattabbli u dixxiplinati.
Din tagħmlilna kuraġġ biex naħdmu saħansitra aktar biex nidentifikaw direzzjonijiet ġodda li fihom il-ħidma ekonomika tagħna tista’ teċċella.
Is-settur tas-servizzi finanzjarji qed jikber b’pass sostnut. Nipproġettaw li n-numru totali ta’ kumpaniji fuq ir-Reġistru tal-Kumpaniji tagħna se jaqbeż l-40,000 kmieni fl-2007. Fis-settur innifsu, hemm tmintax-il istituzzjoni bankarja, ’il fuq minn 150 riżors finanzjarju ta’ investiment domiċiljat, tmien kumpaniji ta’ ġestjoni ta’ assikurazzjoni kif ukoll ’il fuq minn għoxrin captive company. Il-politika tagħna hija li nespandu gradwalment dan is-settur b’kumpaniji ta’ kwalità li jkunu marbuta ma’ xtutna bħala riżultat ta’ l-edukazzjoni ta’ livell għoli tagħna, prezzijiet baxxi u regolamenti robusti flimkien mad-drittijiet tagħna ta’ passaporti fl-Unjoni Ewropea.
Punt iehor ta’ saħħa f’Malta qiegħed fis-settur tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni. Sitt snin ilu ddikjarajna l-aspirazzjonijiet tagħna biex nittrasformaw lil Malta f’ċentru ewlieni tat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni tal-Mediterran.
Fl-2003 nidejna l-Pjan Strateġiku Nazzjonali għat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u Komunikazzjoni. Din l-istrateġija serviet bħala qafas għall-iżvilupp ta’ servizz pubbliku estensiv on-line li llum ipoġġina fl-ogħla tnax-il post ta’ Gvern fid-dinja li juża t-teknoloġija biex itejjeb il-livell tiegħu ta’ servizzi.
Wieħed mill-proġetti ppjanati f’dan is-settur, il-proġett ta’ Smart City fir-Ricasoli, għandu aspettattivi li jkun l-akbar investiment barrani li qatt rat din l-art.
Waqt li nibnu fuq ir-rekord tagħna ta’ suċċess fis-settur ta’ l-informatika, u waqt li naħdmu biex nisfruttaw il-post ideali li għandna għal dan l-iskop, Malta offriet li tospita l-kwartier ġenerali ta’ l-awtorità ta’ sorveljanza tal-proġett Galileo tan-navigazzjoni tas-satellita ta’ l-Ewropa. Deċiżjoni fuq din il-materja hija mistennija matul l-2007, u nisperaw li jkollna l-appoġġ attiv tal-ħbieb tagħna biex nilħqu l-għan tagħna.
Waqt li nkomplu bl-isforz nazzjonali tagħna ta’ żvilupp, tibqa’ l-mira kostanti tagħna li nkattru r-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti tagħna ma’ numru kbir ta’ pajjiżi, li ħafna minnhom huma rappreżentati llum hawnhekk.
F’dan l-ispirtu, jien inħares ’il quddiem għall-opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni produttiva bejn il-pajjiżi rispettivi tagħna li se jippreżentaw ruħhom fix-xhur li ġejjin.
Ejjew mela naħdmu flimkien b’mod aktar mill-qrib iżda ejjew ukoll insaħħu l-impenn tagħna għal kollaborazzjoni multilaterali permezz ta’ Nazzjonijiet Uniti riformata u msaħħa. L-isforzi komuni tagħna jistgħu jikkontribwixxu mhux biss biex nikkonsolidaw aktar ir-relazzjonijiet bilaterali tagħna, iżda wkoll lejn il-ħidma kollettiva tagħna biex nippromwovu l-paċi, il-ġustizzja u l-prosperità għal kulħadd.
Nirringrazzjakom.
DOI 19.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958