Left arrow Go Back

Lm 2m  Investiti F’Ħaddiema Maltin

PR0047
Date Icon 18/01/2007

“Il-Gvern, permezz tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) investa aktar minn Lm 2m fi skema li ħarrġet 460 ħaddiem ta’ 40 sena u aktar li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol. Ħamsa u sittin fil-mija (65%) minn dawn illum qegħdin jaħdmu, uħud minnhom għal rashom.  L-iskema TEES - Training and Employment Exposure Scheme kienet skema li ħalliet riżultati posittivi fis-suq tax-xogħol.” Dan qalu l-Ministru responsabbli mill-qasam tax-Xogħol, Louis Galea meta qassam iċ-ċertifikati lill-aħħar grupp li temmew b’suċċess il-programm TEES.

It-TEES hu programm ta’ l-ETC li sar b’fondi tal-Gvern u tal-Fond Soċjali Ewropew ta’ l-UE. Il-programm hu maħsub biex jgħin lil persuni ta’ 40 sena u aktar u li qed jirreġistraw, biex jingħataw taħriġ u esperjenza ta’ xogħol u b’hekk isibuha aktar faċli li jsibu xogħol.  Kull programm hu mifrux fuq sena sħiħa.  Fl-ewwel fażi (4 ġimgħat), dawk li pparteċipaw ingħataw taħriġ bażiku li jagħfas fuq il-motivazzjoni u l-istima, isir ukoll stħarriġ dwar il-ħiliet u l-atitudni ta’ l-individwi biex it-taħriġ li jingħata u x-xogħol li jinstab, ikunu addatati.  Fit-tieni fażi, ta’  21 ġimgħa, il-parteċipanti ngħataw 20 siegħa taħriġ speċifiku fil-ġimgħa f’sengħa jew ħila partikolari, skond id-domanda tax-xogħol.  Fit-tielet u l-aħħar fażi (27 ġimgħa) il-parteċipanti jiġu ngaġġati ma’ min iħaddem u jaħdmu għal 40 siegħa fil-ġimgħa bħala esperjenza ta’ xogħol.  L-iskop aħħari ta’ l-iskema hu li min iħaddem jagħraf il-kapaċitajiet tal-ħaddiem u jżommu fl-impjieġ.

Total ta’ 460 persuna daħlu f’din l-iskema fi tliet gruppi.  Sa l-aħħar ta’ l-2006 299 minn dawn qegħdin jaħdmu u numru minnhom qed jaħdmu għal rashom.  251 sabu impjieg ma’ l-istess kumpanija li ħaddmithom tul l-iskema filwaqt li 40 persuna sabu xogħol alternattiv.  Tmien persuni fetħu għal rashom.  L-ETC qalet li sa l-aħħar ta’ l-2006, 39 persuna ma komplewx bl-iskema u ma komplewx jirreġistraw, filwaqt li 110 persuni li gawdew mill-iskema xorta rritornaw fuq ir-reġistru.

Kemm dawk li pparteċipaw, kif ukoll min iħaddem, sabu li din l-iskema kienet ta’ benefiċċju.  Għal min iħaddem kienet ta’ vantaġġ li l-ħaddiema setgħu jiġu mħarrġa waqt li kienu qed jaħdmu mal-kumpanija u b’hekk it-taħriġ seta’ jitfassal skond il-bżonnijiet tal-post tax-xogħol.  It-TEES offra wkoll taħriġ ġenerali u speċifiku u b’hekk tat l-għodda biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jsibu impjieg fit-tul.  Skond min iħaddem, l-iskema:

·        kienet effettiva ħafna għax il-persuna tkun matura u responsabbli u lesta tagħmel l-almu tagħha,

·        turi li dawk li għandhom 40 sena u aktar huma ħaddiema kapaċi u li għandhom jingħataw opportunità,

·        tikkontribwixxi lejn is-suq tax-xogħol u tgħin lill-persuni jerġgħu jsibu id-dinjità li jagħtik xogħol produttiv,

·        wasslet biex il-parti l-kbira ta’ dawk li pparteċipaw fl-iskema nżammu mal-kumpanija.

Dawk li temmew l-iskema b’suċċess ingħataw ċertifikat mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Louis Galea u miċ-Chairman ta’ l-ETC, Michael Balzan.

Waqt din l-attività l-Ministru Louis Galea qal li t-TEES hi skema ta’ benefiċċju kbir għal dawk li pparteċipaw fiha u r-riżultati miksuba juru li din l-iskema hi storja ta’ suċċess għall-ETC li għandha tirrepeti ruħha.  Il-Ministru Galea qal li dan hu eżempju ieħor ta’ kif il-fondi ta’ l-UE jistgħu jintużaw biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem u kif dan l-iffinanzjar jista’ jagħti riżultati konkreti li jinħassu minn kulħadd. 

Louis Galea qal li dawk li jkun għalqu l-40 sena u jispiċċaw bla xogħol isibuha ferm diffiċli biex isibu impjieg partikolarment meta l-ħiliet li jkollhom ma jkunux aktar meħtieġa fis-suq tax-xogħol ta’ llum.  Hu għal din ir-raġuni li dawn il-ħaddiema ġew identifikati bħala qasam ta’ priorità fil-Pjan Nazzjonali ta’ Azzjoni dwar l-Impjiegi ta’ l-2004 u li fuqhom qed jaħdem il-Gvern u l-ETC. Il-Ministru qal li s-suċċess ta’ skemi bħal dawn jitkejjel fl-ammont ta’ persuni li jsibu impjieg produttiv fit-tul u f’kemm jirnexxielna nnaqqsu l-ammont ta’ nies li qed ifittxu x-xogħol (partikolarment dawk li jkunu ilhom fuq ir-reġistru għal numru ta’ xhur jew saħansitra snin) billi jsibu x-xogħol.  Fl-2004 kien hemm aktar minn 3,155 persuna ta’ aktar minn 40 sena li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol.  Din il-figura niżlet għal 2,677 sa tmiem Settembru 2006.  Dan seħħ b’riżultat ta’ xejriet posittivi fis-suq tax-xogħol b’mod ġenerali kif ukoll b’riżultat tad-diversi skemi u kampanji li tmexxi l-ETC.

Il-Ministru Galea qal li għalkemm aktar minn 65% ta’ dawk li pparteċipaw fl-iskema sabu x-xogħol, għad fadal ħafna aktar ħaddiema li rridu nindirizzaw permezz ta’ programmi ta’ taħriġ bħal dawn.  Fl-istess ħin irridu wkoll naraw x’inhuma r-raġunijiet għalfejn persuni li jkunu ingħataw it-taħriġ u l-esperjenza tax-xogħol jibqgħu ma jistgħux iżommu l-impjieg. Din is-sena l-ETC se tkompli bil-programmi tagħha għal dawk li għandhom 40 sena ‘l fuq u fil-fatt għandha titnieda kampanja fil-ġimgħat li ġejjin. 

Il-Ministru Galea qal li l-ETC diġà bbenefikat minn 8miljun euro li marru direttament f’inizjattivi bħat-TEES li għandhom impatt dirett fuq is-suq tax-xogħol. 

Louis Galea temm jgħid li  jekk kellna nieħdu din l-iskema bħala mudell u idea ta’ x’nistgħu niksbu permezz ta’ dawn il-fondi, għandna nħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu, hekk kif pajjiżna minn din is-sena, se jibda jgawdi minn aktar minn € 800 miljun f’fondi mill-Unjoni Ewropea, li ammont sostanzjali minnhom se jkun allokat għall-edukazzjoni u t-taħriġ.

DOI – 18.01.2007

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow