Left arrow Go Back

Messaġġ fl-okkażjoni ta’ Arbor Day li jiġi ċċelebrat illum

PR0034
Date Icon 16/01/2007

L-okkażjoni ta’ Arbor Day, li tiġi ċċelebrata llum 16 ta’ Jannar, hija okkażżjoni ideali biex jiżdied l-għarfien dwar l-importanza tas-siġar.  F’Malta, dan il-jum huwa okkażjoni f’waqtha biex nitfgħu dawl fuq l-isforzi tal-Gvern biex f’pajjiżna ikun hawn aktar siġar. 

F’messaġġ fl-okkażjoni ta’ Arbor Day, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent tenna l-apprezzament tiegħu għall-fatt li bl-isforz ta’ kulħadd il-mira ta’ tħawwil ta’ siġar tas-sena l-oħra ntlaħqet u nqabżet tant li ntlaħqet il-mira ta’ 16,000 siġra.  Dan sar permezz tal-kampanja 34U (Tree For You) li kompliet tintlaqa’ tajjeb mill-pubbliku.  Il-Ministeru jfakkar li minbarra s-siġar li tħawlu permezz tal-kampanja 34U hemm ukoll numru kbir ieħor ta’ siġar li jitħawlu permezz ta’ proġetti varji ta’ tisbiħ li jkun għaddej. 

Is-suċċess s’issa wassal biex il-mira ta’ siġar li jridu jitħawlu din is-sena telgħet għal 20,000 u l-Ministeru huwa fiduċjuż li bis-sehem ta’ kulħadd anke din il-mira tinqabeż.  Matul din is-sena l-pubbliku għandu jkompli jgawdi minn dawn il-proġetti ta’ afforestazzjoni u fix-xhur li ġejjin għandu jinfetaħ is-sit tas-Salini, magħruf aħjar bħala Kennedy Grove. 

Il-Ministeru jfakkar fl-iżvilupp li sar fuq is-siti l-oħra ta’ afforestazzjoni fosthom f’Ta’ Qali fejn għaddej xogħol ta’ tkabbir u tisbiħ.  Fis-sit tal-Mellieħa mistennija jitħawwlu mal-5,000 siġra li jinkludu siġar mogħtija mill-Gvern Taljan u siġar oħra mill-kampanja 34U.  Fil-jiem li ġejjin mistennija jitħabbru żviluppi mportanti dwar is-sit ta’ Xrobb l-Għaġin li qed ikun amministrat mill-NGO Nature Trust. 

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent itenni li mira oħra ewlenija għal din is-sena ser ikunu proġetti ta’ tħawwil ta’ siġar f’Għawdex.  Dan għandu jsir b’kollaborazzjoni mal-privat u mal-pubbliku.  Matul din is-sena ser ikomplu jkunu organizzati aktar attivitajiet fejn il-pubbliku u s-settur privat ikun mistieden jipparteċipa fit-tħawwil ta’ siġar 

Intant il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino appella għall-appoġġ kontinwu biex l-isforzi tal-Gvern jibqa’ jkollhom suċċess.  Hu wera l-apprezzament tiegħu għad-disponibilita’ tas-settur privat u tal-pubbliku li qed iwassal biex il-miri tal-Gvern mhux biss jintlaħqu iżda jinqabżu. 

George Pullicino irringrazzja lill-Kunsilli Lokali u lill-iskejjel tas-sehem tagħhom fis-suċċess tal-kampanja ta’ tħawwil ta’ siġar u afforestazzjoni.  Hu wera ruħu fiduċjuż li l-Gvern ikompli jsib l-appoġġ popolari għall-inizjattivi li qed jieħu fl-aħjar interess tal-poplu, tal-pajjiż u tal-ambjent.

DOI – 16.01.2007

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow