Left arrow Go Back

GĦOTJA TA’ MANTENIMENT LIL STUDENTI LI QED JIRREPETU JEW ISEGWU KORS FL-ISTESS LIVELL

PR0018
Date Icon 10/01/2007

Il-Bord ta’l-Istipendji jeżamina numru ta’ każi 

Numru ta’ studenti li din is-sena qed jirrepetu jew isegwu kors fl-istess livell ta’ studji post sekondarji, iżda mxew minn istituzzjoni edukattiva għal oħra, qegħdin jipprotestaw minħabba li mhux qed jirċievu l-għotja ta’ manteniment tagħhom. Saħansitra dehru stejjer f’gazzetti u l-kwestjoni anke tqajjmet fil-Parlament permezz ta’ mistoqsijiet Parlamentari. 

Kif qal il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Louis Galea, f’risposta għal mistoqsija Parlamentari fil-jiem li għaddew, din m’hix xi ħaġa li daħlet fil-liġi issa iżda ilha hekk anke minn meta kien hemm is-sistema ta’ l-istipendji qabel l-1999.  Kemm l-Avviż Legali 165 tal-1999 u kif emendat bl-Avviż Legali 372 ta’ l-2005, jgħidu speċifikatament li studenti li qed isegwu t-tieni kors jew aktar wara li temmew jew għamlu parti minn kors, fl-istess livell, ma jkunux intitolati li jirċievu l-Għotja ta’ Manteniment (stipendju) għaż-żmien li għamlu fil-kors preċedenti u li għalih kienu qed jirċievu stipendju. 

Fil-fatt, fis-snin li għaddew, diversi studenti, anke fl-Università li mxew minn kors għal ieħor u baqgħu fl-istess livell, ma rċivewx stipendju u reġgħu bdew jirċievu meta għamlu progress u għaddew għall-livell aktar ogħla. Din il-proċedura ilha segwita għal numru ta’ snin. 

Din is-sena kellna studenti li kienu bdew kors fl-Iskola Sekondarja Għolja Giovanni Curmi tan-Naxxar u kienu qed jirċievu stipendju u issa bdew kors fl-MCAST fl-istess livell tas-sena li għaddiet u f’ċerti każi f’livell aktar baxx.  Kellna studenti li mxew mill-Junior College għall-MCAST u qed jirrepetu l-istess livell li kienu fih is-sena li għaddiet; kellna każi ta’ studenti li mill-MCAST marru fl-iskola Sekondarja Għolja Giovanni Curmi u bdew kors f’livell aktar baxx minn dak li kienu qed jagħmlu fis-sena ta’ qabel; kellna studenti li mill-Università marru l-MCAST u bdew kors fl-istess livell tas-sena meta kienu l-Università jew livell anqas u kellna studenti fl-Università li mxew minn kors għal ieħor u qed jirrepetu l-istess livell. Dawn kollha, skond il-liġi, m’humiex intitolati għall-Għotja ta’ Manteniment (stipendju) f’din is-sena.  Jekk is-sena d-dieħla  jagħmlu progress u jitilgħu għal sena oħra, jerġgħu jibdew jieħdu l-istipendju. 

Numru minn dawn l-istudenti, fil-parti l-kbira studenti li bdew korsijiet fl-MCAST din is-sena u li s-sena li għaddiet kienu f’xi istitutzzjoni Post Sekondarja oħra u rċivew stipendju, ressqu l-każ tagħhom quddiem il-Bord għall-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti.  Kien hemm ukoll studenti li kitbu lill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni dwar dan il-każ. 

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni talab lill-Bord għall-Ghotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti biex jeżamina l-fatti ta’ kull każ.  Dan il-process qed isir bħalissa u la darba dan l-eżerċizzju jintemm ikun jista’ jiġi stabbilit jekk dawn il-każi jistgħux ikunu solvuti fil-parametri tal-liġi jew b’xi mod ieħor. Sadanittant il-Ministeru, bl-iskop li jgħin lil dawn l-istudenti, diġà ta l-ismart card b’Lm100 fiha biex l-istudenti jkunu jistgħu jixtru kotba u materjal edukattiv ieħor.

D.O.I. - 10.01.2007

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow