Left arrow Go Back

SEHEM L-ORKESTRA NAZZJONALI FL-IŻVILUPP TAL-WIRT MUŻIKALI

PR0017
Date Icon 10/01/2007

“Permezz tal-ħidma tagħha l-Orkestra Nazzjonali qed tagħti ġieħ lil numru ta’ kompożituri Maltin li għamlu isem għal pajjiżna. Matul is-sena li għaddiet l-Orkestra Nazzjonali esegwiet xogħlijiet ta’ Nicolò Isouard, Paolino Vassallo, Carlo Diacono u Carmelo Pace.” 

Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech, meta nieda l-kunċert, li l-Orkestra Nazzjonali ser tesegwixxi flimkien ma’ l-Orchestra Sinfonica di Pesaro, u CD b’recordings ta’ l-istess Orkestra Nazzjonali. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Orkestra Nazzjonali llum saret punt ta’ riferenza importanti fil-kultura mużikali ta’ pajjiżna mhux biss għall-kunċerti li tagħti minn żmien għal żmien, li wħud minnhom daħlu fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna, iżda wkoll minħabba r-rappreżentazzjonijiet li tagħti flimkien ma’ orkestri barranin.  Hu qal li din il-kollaborazzjoni wasslet biex l-Orkestra Nazzjonali tat rappreżentazzjonijiet mill-aqwa flimkien mal-Brno Philharmonic Orchestra, il-North Czech Philharmonic u l-Orchestra Sinfonica e Coro Sinfonico Giuseppe Verdi ta’ Milan. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li fl-20 ta’ Jannar l-Orkestra Nazzjonali ser tingħaqad mat-taqsima ta’ l-istrumenti tal-korda ta’ l-Orchestra Sinfonica di Pesaro għal Grand Concert fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran. Hu qal li din ser tkun okkażjoni oħra biex il-pubbliku Malti jsegwi mill-qrib l-Orkestra Nazzjonali fl-esekuzzjonijiet tagħha. Hu qal li l-pubbliku Malti u Għawdxi diġa kellu l-opportunita’ jkun kburi bl-Orkestra Nazzjonali tagħna meta din akkumpanjat il-kantant famuż Taljan Andrea Bocelli waqt il-kunċert li dan ta għal eluf ta’ Maltin u barranin f’Ta’ Qali. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li okkażjoni importanti għall-Orkestra Nazzjonali ser ikun il-kunċert li ser tagħti flimkien ma’ Orchestra Sinfonica di Pesaro fit-Teatro Rossini f’Pesaro, l-Italja – kunċert li ser jitmexxa mid-direttur mużikali ta’ l-istess Orkestra Nazzjonali, Michael Laus. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li din is-sena ser tkun sena oħra ta’ ‘attivita’ qawwija għall-Orkestra Nazzjonali li bdiet bil-Kunċert ta’ l-Epifanija u tkompli bl-EU Celebration Concert, l-Kunċert ta’ Jum l-Indipendenza u bil-parteċipazzjoni fil-Festival ta’ l-Opra li jsir f’Marzu fit-Teatru Manoel; kif ukoll f’kunċerti u fi produzzjonijiet flimkien mat-Teatru Manoel f’Jannar, Frar u Mejju, fil-Victoria Arts Festival f’Għawdex f’Lulju.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal ukoll li f’Mejju l-Orkestra Nazzjonali ser ittella’ kunċert f’ġieħ Charles Camilleri, kompożitur ieħor Malti; ser tieħu sehem fil-Festival Internazzjonali tal-Mużika f’Ġunju u ser ittella’ r-Requiem ta’ Verdi fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Miediterran f’Novembru.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Orkestra Nazzjonali qed tniedi wkoll CD  tal-kunċert tat-30 ta’ Mejju 2006 li sar fit-Teatru Manoel taħt id-direzzjoni ta’ Christopher Muscat f’ġieh Paolino Vassallo. Din is-CD ser tkun  taħt it-tikketta ta’ l-istess Orkestra Nazzjonali “Orkestra Nazzjonali Live”. Hu qal li din is-CD hi akkumpanjata minn ktejjeb ta’ 12-il paġna mimlija informazzjoni u riċerkata dwar il-kompożitur u x-xogħlijiet tiegħu. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Orkestra Nazzjonali hi llum istituzzjoni importanti li qed tikkontribwixxi lejn l-iżvilupp tal-kultura nazzjonali. Hu qal li l-kultura mużikali tikkontribwixxi mhux biss biex il-Maltin jsiru aktar konxji tal-wirt kulturali tagħna iżda anke biex il-prodott kultuali Malti jsir aktar magħruf mat-turisti li jżuruna.

D.O.I. - 10.01.2007

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow