Master Plan ta’ l-Għadds għal Għawdex u Kemmuna jiġi ppreżentat għall-konsultazzjoni
Il-Master Plan għall-industrija ta’ l-għadds li jkopri lil Għawdex u Kemmuna, u li jifforma parti mill-proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea għal dan is-settur, ġie ppreżentat lill-partijiet konċernati ta’ l-industrija turistika t’Għawdex waqt preżentazzjoni li saret dalgħodu fil-Ministeru għal Għawdex.
Waqt li kienet qed titkellem fl-istess laqgħa, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex qalet li t-tfassil ta’ dan il-Pjan sar fi sforz li tingħata attenzjoni olistika lill-qasam ta’ l-għadds bħala settur b’potenzjal ta’ tkabbir għall-benefiċċju ta’ l-industrija turistika t’Għawdex. Il-Gvern identifika l-industrija turistika ta’ l-għadds bħala qasam li jista’ jagħti vantaġġ kompetittiv lil Għawdex u għalhekk huwa kommess li jkompli jtejjeb il-prodott li l-gżira toffri. Il-proġett Niche Tourism For the Island of Gozo, li minnu jifforma parti dan il-Pjan, jinvolvi l-investiment ta’ madwar €1.3 miljun u kien jikkonsisti f’elementi oħra fosthom l-għarqa taż-żewġ vapuri MV Karwela u MV Cominoland li seħħet f’Awissu, it-twaqqif ta’ decompression chamber ix-xahar li għadda, u kampanja ta’ reklamar permezz ta’ rivisti speċjalizzati internazzjonali, it-tnedija ta’ website apposta u l-ħruġ ta’ DVD.
Il-Ministru Debono qalet li l-Pjan, li ġie mfassal b’konsultazzjoni ma’ l-iskejjel kollha ta’ l-għadds f’Għawdex, mhux biss jagħmel analiżi tal-prodott li joffru l-gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna imma wkoll jipprovdi bażi għal żviluppi futuri kif ukoll jidentifika miżuri li jistgħu jiġu mplimentati sabiex is-siti ta’ l-għadds madwar il-gżejjer jitjiebu u joffru prodott dejjem iktar ta’ kwalita’.
Il-Ministru Debono ħabbret li issa li tfassal dan il-Pjan, il-Ministeru għal Għawdex ser iwaqqaf Task Force biex tħares lejn il-miżuri proposti u tfassal Pjan ta’ Azzjoni sabiex timplimenta l-miri stabiliti.
Il-Pjan ta’ l-Għadds għal Għawdex u Kemmuna huwa magħmul minn evalwazzjoni dettaljata tal-prodott turistiku li qed jiġi offrut bħalissa filwaqt li jidentifika modi ta’ titjib kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar, inkluż permezz ta’ rapporti dettaljati għal kull sit ta’ l-għadds. Il-Pjan iħares ukoll lejn il-fatturi taħt l-ilma kif ukoll il-faċilitajiet ta’ aċċess minn u lejn l-ilma kif ukoll faċilitajiet u servizzi oħra fuq l-art li jtejbu l-esperjenza ta’ l-għadds.
L-analiżi saret permezz ta’ riċerka differenti nkluż stħarriġ online, laqgħat individwali ma’ l-għaddasa kif ukoll laqgħat ma’ l-iskejjel kollha ta’ l-għadds li joperaw minn Għawdex u minn Kemmuna u laqgħat oħra ma’ wħud mill-iskejjel li joperaw minn Malta.
Ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu it-titjib tas-siti ta’ l-għadds fuq ix-xtajta permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ iktar infrastruttura adegwata, l-organizzazzjoni tal-parkeġġi u l-faċilitajiet fejn l-għaddasa jippreparaw ruħhom għall-għadds, il-provvista ta’ apparat ta’ sigurta’ u t-titjib tal-faċilitajiet biex jonqsu l-inċidenti fuq is-sit, il-provvista ta’ iktar siti ta’ l-għadds artifiċjali f’żoni partikolari, il-provvista ta’ bagi siguri fejn jitrakkaw id-dgħajjes waqt għadds ’il barra mix-xtajta, it-teħid ta’ miżuri biex jiżdiedu l-ħut fis-siti ta’ l-għadds, u l-organizzazzjoni tal-ġbir ta’ iktar informazzjoni dwar l-għadds sabiex il-prodott turistiku jkun jista’ jiġi evalwat kontinwament u mtejjeb.
Wara l-introduzzjoni ta’ l-Onor. Giovanna Debono, is-Sur Adrian Mallia, li wettaq ir-riċerka u li ħejja l-Master Plan għall-kumpanija Adi Associates Environmental Consultants Ltd, ta preżentazzjoni dwar ir-riżultati ta’ l-istudji u r-rakkomandazzjonijiet. Il-partijiet konċernati ta’ l-industrija turistika li kienu preżenti għal-laqgħa ta’ dalgħodu kellhom l-opportunita’ li jagħtu l-kummenti tagħhom.
Il-Pjan ta’ l-Għadds għal Għawdex u Kemmuna jifforma parti mill-proġett Niche Tourism for the Island of Gozo li twettaq permezz tal-Fondi Strutturali għal Malta 2004-2006, speċifikament permezz tal-Fond ta’ Żvilupp Reġjonali Ewropew. Is-sehem tal-Gvern Malti kien ta’ 25% tal-valur tal-proġett.
DOI – 05.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958