JITĦABBAR IL-PROGRAMM TA’ ATTIVITAJIET GĦAT-‘TRE RE – NOTTE MAGICA’
“Bħala parti mill-attivitajiet li se jkunu organizzati fis-6 ta’ Jannar, 2007, sabiex jitfakkar it-‘Tre Re’ (l-Epifanija) ser ikun hemm seba’ palkijiet mal-belt Valletta kollha fejn ser jingħataw rappreżentazzjonijiet minn talent lokali u mill-Irish band ‘The Commitments.”
Dan ħabbru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, l-Onor. Francis Zammit Dimech waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, fejn ingħataw dettalji dwar il-programm ta’ attivitajiet fit-“Tre Re – Notte Magica”.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-palk ewlieni ser ikun f’Misraħ il-Ħelsien, filwaqt li l-palkijiet l-oħra ser jintramaw fis-sit tat-Teatru Rjal, il-Main Guard, Pjazza l-Assedju l-Kbir, Triq il-Merkanti, Misraħ San Ġwann u fil-bitħa tal-Berġa ta’ l-Italja fejn hemm l-istess Ministeru għat-Turiżmu u Kultura. Rappreżentazzjoni oħra ser tingħata fis-sede tal-Kamra tal-Kummerċ.
Il-Ministeru Zammit Dimech qal li tul is-serata ser ikun hemm street performers filwaqt li tliet baned ser jallegraw bil-mużika tagħhom lil kull min jidħol fil-belt. Hu qal ukoll li konxju minn nuqqas ta’ ħwienet li fetħu dakinhar tan-Notte Bianca, kien qed jinkoraġġixxi aktar ħwienet biex jiftħu tul l-avveniment u anke biex ikollhom offerti speċjali għal din il-lejla.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Ministeru tiegħu, li flimkien ma’ NnG Promotions, il-Kunsill Lokali Valletta u l-Valletta Alive Foundation qed jorganizza din il-lejla, qed jagħmel arranġamenti biex jillumina faċċati bħal dik ta’ Bieb il-Belt u l-Berġa ta’ l-Italja.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li kien jemmen li din l-attivita’ kienet qed terġa’ tagħti l-ħajja lill-festa tat-‘Tre Re’ u hekk itawwal l-istaġun festiv tal-Milied. Din l-attivita’ kienet qed tikkontribwixxi wkoll biex il-kapitali ta’ pajjiżna tkompli tingħata l-ħajja bil-lejl.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li minbarra li din l-attivita’ kienet ta’ attrazzjoni għall-poplu Malti, li diġa’ wera kemm japprezza attivitajiet bħal dawn meta daħal bi ħġaru fil-belt għan-Notte Bianca, kienet ukoll ta’ attrazzjoni turistika. Hu qal li kien ċert li din l-attivita’ kienet ser tidħol fil-kalendarju ta’ attivitajiet li jsiru f’pajjiżna u li kienu qed jagħtuna isem ta’ pajjiż fejn jiġu organizzati attivitajiet kulturali u ta’ divertiment ta’ kwalita’ u tul is-sena kollha.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958