IL-PERMESS GĦALL-IMMODERNIZZAR TA’ L-IMPJANT TA’ SANT’ANTNIN APPROVAT B’MOD UNANIMU
Il-permess għall-immodernizzar ta’ l-impjant ta’ Sant’Antnin ġie approvat b’mod unanimu mill-bord ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fi tmiem laqgħa pubblika li saret dalgħodu.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent itenni li dan hu żvilupp importanti li għandu jgħin biex pajjiżna jkollu faċilitajiet ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart ta’ l-ogħla livell u skond l-aqwa standards Ewropej. Fl-istess waqt dawn il-faċilitajiet iwasslu biex pajjiżna jkollu sorsi ġodda ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, filwaqt li jitnaqqas kemm jista’ jkun kull impatt fuq ir-residenti u fuq l-ambjent.
Il-Ministeru jfakkar kif l-immodernizzar ta’ Sant’Antnin se jsir b’investiment ta’ aktar minn €25 miljun (li madwar €17-il miljun minnhom huma ġejjin minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea). L-impjant se jittratta 71,000 tunnellata ta’ skart (madwar terz ta’ l-iskart iġġenerat f’Malta) u nofs dan l-iskart se jkun skart isseparat u miġbur minn bring-in sites. Dan l-investiment se jwassal biex dan l-impjant jiġġenera enerġija minn riżorsa - l-iskart, li sa’ ftit taż-żmien ilu kienet tinħela. L-impjant modernizzat se jwassal ukoll biex ikun prodott kompost ta’ kwalita’ tajba li jista’ jintuża mis-settur agrikolu, anqas inkonvenjent għar-residenti minn irwejjaħ, kif ukoll għal kundizzjonijiet ferm aħjar għall-ħaddiema li jaħdmu fl-impjant.
L-impjant modernizzat ta’ Sant’Antnin se jipprovdi wkoll parti mill-infrastruttura meħtieġa biex tilqa’ fiha l-iskart isseparat li jinġabar mid-djar. Huwa fatt inkuraġġanti li aktar nies qed jisseparaw l-iskart u dan iżid il-ħtieġa li pajjiżna jkollu l-infrastruttura meħtieġa.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jiddeplora l-istrateġija ta’ tfixkil minn uħud li qed jopponu dan l-investiment, ewlieni fosthom il-Partit Laburista. Dan it-tfixkil reġa kkaratterizza l-laqgħa pubblika ta’ dalgħodu li matulha ma saret ebda kritika jew oġġezzjoni lejn it-teknoloġija li ser tintuża u ma saret ebda oġġezzjoni għall-applikazzjoni li kienet qed tiġi diskussa. L-argumenti li tqajjmu dalgħodu kienu argumenti li diġa ġew imwieġba matul il-proċess li wassal għall-ħruġ tal-permess outline mill-MEPA.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ifakkar li l-iżvilupp ta’ llum huwa l-aħħar minn proċess twil ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-immodernizzar ta’ dan l-impjant. Irid jitfakkar li fi żmien Gvern Laburista, kumitat ta’ esperti mwaqqaf mill-Viċi Prim Ministru u Ministru ta’ l-Ambjent ta’ dak iż-żmien, l-Onor. George Vella kien ippropona li l-iskart kollu ta’ Malta kellu jkun trattat fl-impjant ta’ Sant’Antnin, kif kien dak iż-żmien. Dik il-proposta saret mingħajr ebda konsultazzjoni jew studji, u wisq inqas mingħajr ebda proposta ta’ investiment għall-immodernizzar kif qed isir illum.
Dan hu kkonfermat minn minuti ta’ laqgħa li saret fit-22 ta’ Lulju 1998 (liema minuti diġa saru pubbliċi mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent). Ftit jiem wara, eżattament fil-15 t’Awissu 1998, l-Onor. George Vella kien ikkwotat jgħid mill-mezzi tax-xandir lokali li l-Gvern Laburista kellu l-ħsieb li jibgħat l-iskart kollu ta’ Malta f’Sant’Antnin. Dan jindika li l-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien kellu l-ħsieb li jimxi mar-rakkomandazzjonijiet li kellu.
Il-Ministeru jappella lil kull min għandu għal qalbu l-ambjent biex jappoġġja dawn l-inizjattivi tal-Gvern, inkluż l-NGO’s li jaħdmu fis-settur ta’ l-ambjent, li qed imur għal alternattivi li jħallu l-anqas impatt possibli fuq ir-residenti u fuq l-ambjent, billi jitnaqqas l-iskart li jispiċċa fil-landfills mingħajr ebda trattament u dan permezz ta’ proċess ta’ bio-digestion.
Fl-aħħarnett, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jappella wkoll biex kulħadd iżomm f’moħħu li d-daqs u d-densita’ ta’ pajjiżna jagħmilha aktar diffiċli li jinstabu siti għall-immaniġġjar ta’ l-iskart, li ma joħolqu ebda inkonvenjent. Kulħadd irid japprezza li għandu jagħmel il-parti tiegħu biex pajjiżna tabilħaqq ikollu faċilitajiet moderni u dan għall-ġid tal-poplu kollu, tal-pajjiż u tal-ambjent.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958