TKOMPLI L-ĦIDMA TAL-GVERN MALTI DWAR IL-KWISTJONI TAS-SAJD GĦAT-TONN FIL-MEDITERRAN
Il-ħidma tal-Gvern Malti biex ikunu mħarsa l-interessi ta’ pajjiżna fil-qasam tas-sajd tat-tonn kompliet f’dawn il-jiem waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd li qed jiltaqa’ fi Brussels.
Il-Gvern Malti, permezz tal-Ministru George Pullicino, qed jirriafferma l-pożizzjoni tiegħu permezz ta’ argumenti fosthom li s-sajd għat-tonn jirrappreżenta madwar terz ta’ l-attivita’ ekonomika marbuta mas-sajd f’pajjiżna.
Fl-intervent tiegħu waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri, l-Onor. Pullicino tenna li fis-sajd għat-tonn, is-sajjieda Maltin dejjem użaw mezzi artiġjanali u għaldaqstant jikkawżaw l-anqas ħsara possibli lis-sostenibbilta’ tat-tonn fil-Mediterran, kuntrarjament għas-sajd industrijali bil-purse seiners. Il-Ministru Pullicino tenna li Malta dejjem segwiet ir-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ l-International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas (ICCAT), fosthom billi dejjem saru l-isforzi kollha biex Malta tirrispetta l-kwota allokata lilha.
Il-Ministru Pullicino fakkar kif il-kwota tal-pajjiżi membri ġodda ser tiġi inkluża għall-ewwel darba fil-kwota totali ta’ l-Unjoni Ewropea u li allura dan se jwassal inevitabilment biex issir diskussjoni nterna dwar din il-kwistjoni fost il-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru George Pullicino qal li Malta tkun lesta tikkunsidra kwota parzjali tat-tonn ġaladarba tkun rikonoxxuta r-referenza storika ta’ Malta u din tkun inkluża fil-qabda totali Ewropea. Malta nsistiet li l-kwoti parzjali m’għandhomx jintużaw bħala referenza għall-allokazzjoni finali bejn l-Istati Membri meta din tkun diskussa fost l-Istati Membri.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958