Left arrow Go Back

MESSAĠĠ MILL-PRIM MINISTRU L-ONOR. LAWRENCE GONZI GĦALL-MILIED U S-SENA L-ĠDIDA LILL-MALTIN U L-GĦAWDXIN LI JGĦIXU BARRA MINN MALTA

PR1743
Date Icon 19/12/2006

Ħuti Maltin u Għawdxin 

Dan huwa l-istaġun sabiħ, speċjali, meta aħna lkoll nagħtu x-xewqat sbieħ tagħna lil xulxin. Aktar milli fil-kumplament tas-sena, dan hu ż-żmien meta nfittxu li niftakru fl-oħrajn, u li nikkomunikaw magħhom b’xi mezz jew b’ieħor. Niftakru kemm f’dawk li jinsabu qrib, madwarna, u kemm f’dawk li jinsabu ’l bogħod, imma qatt ’il bogħod minn qalbna. Aħna, bħala poplu Malti, għandna l-karatteristika li ġġegħelna nħarsu wkoll lejn Malta kbira, mifruxa, li teżisti sa minn sekli sħaħ ilu, f’bosta pajjiżi madwar id-dinja.  

F’ħafna pajjiżi, minbarra fil-pajjiżi ewlenin li fihom seħħet l-emigrazzjoni Maltija, għandek issib lil xi komunità Maltija ta’ xi daqs jew ieħor. F’dan l-istaġun ta’ ferħ u kumplimenti, jixraq li nsellmu lil dawk ħutna kollha li jinsabu f’xi naħa jew oħra tad-dinja, u hemm qegħdin jagħtu l-kontribut tagħhom. 

Qabelxejn aħna lkoll nagħrfu li l-emigranti huma ħutna Maltin, huma għeżież ħafna għalina, huma niesna, parti kbira mill-familja estiża tagħna ma’ kullimkien. Għal din ir-raġuni biss, fost l-oħrajn, ma nistgħux inħarsu lejn pajjiżna u jkollna ritratt sħiħ tiegħu, mingħajr ma niftakru f’dawk il-Maltin li bnew il-ħajja ġdida tagħhom f’pajjiż ieħor. Meta nħarsu lejn l-istorja ta’ l-emigranti tagħna ninnutaw malajr kemm din kienet u għadha storja ta’ suċċess kbir, kemm niesna dejjem, kienu fejn kienu, urew li huma nies ta’ ħila, sengħa, professjoni, kreattività, volontarjat, studju, xogħol. Kienu ċertifikat ta’ dak kollu li jirrendi eżemplari liċ-ċittadin.  

Din mhix kisba żgħira, u naħseb li dan l-istaġun ta’ ferħ u ta’ xewqat tajba huwa l-aħjar wieħed matul is-sena kollha biex fih infakkru din ir-realtà li għandha tassew tagħmilna kburin. 

Aħna kburin ħafna b’niesna li jinsabu f’pajjiżi barranin, fejn huma bnew familja u karriera u taw kontribut lis-soċjetà li jinsabu fiha. Huma għamlu isem tajjeb lil pajjiżna, u dan ukoll huwa kontribut li f’din l-okkażjoni jixraqlu li jissemma. Pajjiżna żgħir isib vantaġġ f’kull min jikkontribwixxi biex isem Malta jkun rispettat. L-emigranti tagħna għamlu ħafna ġid lil pajjiżna anki f’dan is-sens, u jixirqilhom ir-rikonoxximent u l-gratitudni  tagħna lkoll.  

Kienu l-emigranti tagħna, matul ġenerazzjonijiet differenti, li b’sens kbir ta’ lealtà u ta’ apprezzament, għamlu bħal komunitajiet ta’ emigranti oħrajn u żammu l-karattru tagħhom, il-karattru Malti. Dan sewa ħafna biex żammna lkoll magħqudin flimkien, anki jekk hemm distanzi kbar li jifirduna. Bis-saħħa ta’ din ir-rabta l-emigranti tagħna rnexxielhom juru li pajjiżna għandu wkoll is-saħħa li għandu kull nazzjon ieħor, anki jekk hu wisq akbar minna. 

Għalija din hi okkażjoni mill-isbaħ biex nifraħ lill-emigranti għeżież tagħna, li huma qrabatna u ħbiebna ta’ ġenerazzjonijiet diversi, għall-kontribut li dejjem taw lil pajjiżna mill-bogħod kif ukoll għall-kontribut li xorta waħda huma taw lill-pajjiż fejn huma bnew il-futur tagħhom xi darba matul ħajjithom. Dan kollu għen ħafna biex pajjiżna jibni u jżomm relazzjonijiet tajbin f’livelli uffiċjali differenti ma’ pajjiżi oħrajn. Il-fatt li dan il-kuntatt bejnietna, bejn Malta u l-postijiet ta’ l-emigranti tagħna, huwa kuntatt tant sabiħ u f’saħħtu huwa awgurju mill-aqwa għalina lkoll. Jgħinna ħafna. Jindika rispett li jinsab miżrugħ fil-qalb ġeneruża tal-Maltin, fl-ispirtu ta’ dedikazzjoni, fit-talent ta’ l-inizjattiva, fil-gost li wieħed jaħdem u jasal għall-iskopijiet tiegħu b’suċċess. 

Nirringrazzjakom għall-kontribut kbir tagħkom, u nittama, jekk il-Bambin irid, li l-futur tagħna jkompli jkun mibni fuq dawn il-valuri sbieħ li għaqqduna flimkien għal tant żmien. 

Nawguralkom Milied tajjeb u sena mimlija riżq u hena.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow