EMENDI KOSTITUZZJONALI GĦAS-SISTEMA ELETTORALI
Matul dawn l-aħħar ġimgħat kienu għaddejjin trattattivi bejn iż-żewġ partiti rappreżentati fil-Parlament, sabiex tinstab soluzzjoni “pakkett” dwar kwestjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-sistema elettorali.
Kien għalhekk li l-Gvern issospenda d-dibattitu fil-Parlament dwar l-emendi kostituzzjonali li jolqtu d-distrett ta’ Għawdex, sabiex tinstab soluzzjoni.
Dawn it-taħdidiet kienu koperti bil-kondizzjoni ta’ konfidenzjalita’, sakemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor, u saru bejn Michael Falzon għall-MLP u Joseph Saliba ghall-PN.
F’Novembru, 2006, il-Partit Nazzjonalista għamel proposta – li issa ġiet aċċettata – sabiex tinstab soluzzjoni. Il-punti tal-proposta kienu dawn:-
a) illi Għawdex ikun dejjem distrett għalih, irrispettivament min-numri ta’ votanti;
b) illi f’każ li jkun hemm żewġ partiti biss rappreżentati fil-Parlament, ikun hemm dejjem u f’kull eventwalita’ proporzjonalita’ stretta fis-siġġijiet parlamentari li tirrifletti b’mod fidil, id-distakk li jkun hemm bejn il-partit maġġoritarju u dak minoritarju;
c) illi taħt ebda ċirkostanza ma tiġi aċċettata l-proposta tal-Partit Laburista, li partit b’maġġoranza relattiva ta’ mill-inqas 45%, jingħata dritt li jkollu maġġoranza assoluta ta’ siġġijiet “(premju maġġoranza)“ anki jekk il-partiti l-oħra rappreżentati fil-Parlament bejniethom ikollhom iktar voti u iktar siġġijiet mill-partit ta’ maġġoranza relattiva.
Il-Ġimgħa filgħaxija is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista irċieva il-kunsens “fil-prinċipju” ta’ din il-proposta mingħand id-Deputat Kap tal-Partit Laburista Michael Falzon,.
In vista tal-fatt li l-MLP aċċetta l-proporzjonalita’ sħiħa u f’kull eventwalita’ proposta mill-PN, u irtira l-proposta tiegħu ta’ “premju maġġoranza”, hemm l-elementi kollha meħtieġa għal ftehim. Ġaladarba ġiet aċċettata l-proposta tal-PN dwar proporzjonalita’, id-distretti elettorali u l-konfigurazzjoni tagħhom saru irrilevanti għall-maġġoranza ta’ siġġijiet li jkollu partit fil-Gvern; u għalhekk id-distretti se jistgħu jibqgħu kif inhuma llum għax la se jaġevolaw u lanqas jippreġudikaw il-maġġoranza f’siġġijiet tal-partit politiku li jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Dan il-ftehim bejn rappreżentanti taż-żewġ partiti l-ġimgħa filgħaxija, għadu ma ġiex diskuss fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista; iżda l-Kap tal-Partit sejjer jirrakkomanda l-approvazzjoni tiegħu għax hu bażat fuq proposta li ressaq il-Partit Nazzjonalista stess.
Peress li d-diskussjonijiet bejn iż-żewġ partiti, kienu marbutin bil-kunfidenzjalita’, ma tħabbarx dal-ftehim, u ħadd ma ġie informat bih. Peress li skond ġurnali tal-lum, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ħabbar li ntlaħaq ftehim, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħass li għandu jiċċara l-affarijiet kif ġraw.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958