MATERJAL EDUKATTIV DWAR L-AMBJENT NATURALI
L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ippubblikat serje ta’ posters li jiddeskrivu aspetti ta’ l-ambjent naturali u kalendarju għas-sena 2007 bi speċi endemiċi Maltin. Ix-xogħol fuq il-posters jagħmel parti mill-proġett Parks Network li hu ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Parti mill-finanzjament tal-kalendarju ġie mill-Fond tal-Lotterija Nazzjonali għall-Kawżi Ġusti.
Waqt attività fejn ġie mniedi dan il-materjal edukattiv, il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino qal: “Il-kwalità ta’ ħajjitna tiddependi fuq kemm hu b’saħħtu l-ambjent li ngħixu fih, għalhekk hu d-dmir tagħna li nħarsuh għall-ġenerazzjoni preżenti u dawk tal-futur.”
“Inħossu”, qal il-Ministru Pullicino, “li l-edukazzjoni ambjentali hija kruċjali sabiex niġġeneraw għarfien u apprezzament ambjentali fost it-tfal u l-adulti biex jifhmu li l-ħarsien ta’ l-ambjent mhux għażla imma responsabbiltà għal benefiċċju ta’ kulħadd.”
L-użu tal-Malti u l-Ingliż fil-posters tejjeb l-iskop tal-materjal edukattiv. Ingħatat attenzjoni partikolari sabiex l-ismijiet jidhru bil-Malti, bl-Ingliż u bil-Latin biex l-istudenti jkollhom l-opportunità jagħmlu r-riċerka fil-livell li jinsabu fih. Ir-ritratti juru biċ-ċar il-karatteristiċi ewlenin ta’ kull speċi.
Il-Kalendarju 2007 huwa estenzjoni ta’ dawn il-posters. Kull xahar juri speċi partikolari b’paragrafu ta’ informazzjoni. “Il-Ministeru tal-Finanzi, permezz tal-Fond tal-Lotterija Nazzjonali għall-Kawżi Ġusti qiegħed jiffinanzja l-pubblikazzjoni ta’ dan il-kalendarju bl-iskop li jippromwovi l-edukazzjoni ambjentali,” qal is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi Tonio Fenech. “Il-fond mhux qiegħed hemm biex jgħin organizzazzjonijiet jew attivitajiet soċjali, sportivi jew kulturali biss iżda wkoll attivitajiet edukattivi bħal dawn.”
Kull student fis-sitt sena f’kull skola primarja ser jingħata kalendarju mill-fond tal-Lotterija Nazzjonali għall-Kawżi Ġusti. Il-MEPA qiegħda tagħti 100 kalendarju lil kull kunsill lokali biex jitqassmu fil-lokalità tagħhom. B’dan il-mod hu maħsub li l-informazzjoni f’dawn il-kalendarji tilħaq udjenza wiesgħa u tkabbar l-għarfien ambjentali dwar is-sbuħija naturali tal-ħabitat Malti.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958