ĊENTRU LI SER JGĦIN BIEX AKTAR KONFERENZI JSIRU F’MALTA
“Is-settur tal-konferenzi u l-inċentivi hu wieħed minn dawk is-‘segments’ li qed jikber u jħalli riżultati mill-aktar pożittivi għas-settur turistiku. Dan is-settur jiddependi ħafna minn lukandi ta’ Ħames Stilel, minn sistema tajba ta’ komunikazzjoni u minn infrastruttura li tagħmel possibbli l-organizazzjoni ta’ dawn il-konferenzi.”
Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta inawgura uffiċjalment iċ-Ċentru tal-Konvenzjonijiet f’Ta’ Qali. Hu qal li dan iċ-ċentru, li jista’ jakkomoda sa 10,000 persuna bil-qiegħda ser jimla’ vojt li kellna s’issa. Hu qal li f’pajjiżna ma kienx hawn struttura li tieħu f’daqqa eluf ta’ nies bil-qiegħda. Dan iċ-ċentru qed jimla’ dan il-vojt.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Malta Fairs & Convention Centre Limited (MFCC) uriet li hawn opportunitajiet kbar għal strutturi bħal tagħha meta irnexxielha tattira l-konferenza ta’ Thomas Cook li ser iġġib lejn pajjiżna 2,000 delegat għal ġimgħa. Hu qal li kieku ma kienx għal dan iċ-ċentru kieku pajjiżna kien jitlef din il-konferenza u magħha dħul qawwi għal pajjiżna.
Il-Ministru Zammit Dimech feraħ lill-MFCC li fi ftit żmien tellgħu din l-istruttura u li diġa għandhom ibbukkjati numru ta’ attivitajiet importanti fosthom il-kunċert minn Andrea Bocelli, organizzat mill-kumpannija Renaissance, u li għalih ser ikun hemm preżenti 7,500 persuna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li s-settur tal-konferenzi u l-inċentivi fl-2005 ġibed lejn Malta 63,500 turist li nefqu Lm32.2 miljun. Hu qal li fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena n-numru ta’ delegati għal konferenzi kompla żdied. Hu qal li l-iżvilupp pożittiv ta’ dan is-settur kien marbut maż-żieda fin-numru ta’ lukandi ta’ Ħames Stilel peress li tliet kwarti tad-delegati għal dawn il-konferenzi jagħżlu din it-tip ta’ akkomodazzjoni. Hu qal li din is-sena fetħu żewġ lukandi ta’ Ħames Stilel b’investiment ta’ Lm20 miljun filwaqt li s-sena d-dieħla mistennija jiftħu żewġ lukandi oħra ta’ Ħames Stilel b’investiment ta’ Lm21 miljun u li bejniethom ser iżidu n-numru ta’ sodod b’1,200.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-proġett taċ-Ċentru tal-Konvenzjonijiet f’Ta’ Qali, b’investiment ta’ Lm2 miljun, juri l-fiduċja tas-settur privat fil-qasam turistiku. Hu qal li diġa kellu l-opportunita’ jistqarr li għat-tliet snin li ġejjin is-settur privat kien ser jinvesti ’l fuq minn Lm80 miljun f’35 proġett għall-bini ta’ lukandi ġodda jew estensjonijiet ta’ lukandi eżistenti.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li ried jifraħ lill-Fairs and Exhibitors Ltd u lil Sign-It Ltd li wettqu dan il-proġett bi sħab bl-iskop li jattiraw konferenzi, kunċerti u attivitajiet oħra ta’ massa li s’issa ma setgħux jittellgħu f’pajjiżna. Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-proġett hu ukoll ta’ kontribut lejn ‘prodott Malta’ li qed nagħmlu minn kollox biex intejbu.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958