KELLIEMA TA’ L-OPPOŻIZZJONI JFIXKLU L-PROĊESS BIEX IĊ-ĊITTADINI JIBBENEFIKAW MINN ĊENTRU GĦALL-ISKART GOFF
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jinnota b’dispjaċir il-pożizzjoni tal-Kelliema ta’ l-Oppożizzjoni dwar iċ-ċentru biex jilqa’ l-iskart goff (civic amenity site) f’Ħal-Luqa bl-intenzjoni li jfixklu l-proċess biex jiġi introdott dan is-servizz għar-residenti tal-madwar.
L-applikazzjoni mill-WasteServ għal din il-faċilità saret skond il-proċeduri meħtieġa mill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar li min-naħa tagħha studjat il-viabilità tal-proġett fil-kuntest tal-pjanijiet eżistenti. Saret ukoll konsultazzjoni pubblika li nkludiet taħdidiet mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Luqa speċifikament dwar id-development brief u kif dan kellu jinkludi ċ-ċentru għall-iskart goff.
Iċ-ċentru għall-iskart goff f’Ħal-Luqa huwa wieħed mill-erba’ siti f’Malta u wieħed f’Għawdex li l-WasteServ qed tipproponi sabiex ir-residenti jkollhom il-kumdità li jiddisponu minn materjal li jista’ jiġi rriċiklat u rkuprat, bħal ma hija għamara u materjal elettroniku. Ta’ min ifakkar li l-materjal li jinġieb f’dawn iċ-ċentri huwa nadif u sseparat.
Il-kummenti tal-Kelliema ta’ l-Oppożizzjoni, l-Onor. Joe Brincat u l-Onor. Roderick Galdes mhux biss huma tal-mistħija imma wkoll irresponsabbli minħabba li qed ixekklu l-proċess biex iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin ikollhom l-infrastruttura u l-faċilitajiet addattati biex jiddisponu mill-iskart tagħhom b’mod isseparat u responsabbli biex dejjem jitnaqqas l-użu fejn m’hemmx bżonn tal-landfills.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958