TINTEMM L-EWWEL SENSIELA TA’ KORSIJIET LI SARU PERMEZZ TAL-FONDI TAL-UE F’GĦAWDEX
Sitta u tletin student adult li temmew il-korsijiet tagħhom offruti miċ-Ċentru ta’ l-Universita t’Għawdex, nhar il-Ġimgħa li għadda, ġew ippreżentati b’ċertifikat mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex. Dawn il-korsijiet ingħataw fl-oqsma ta’ l-Agrikoltura, ta’ business studies, e-commerce u informatika, u studji marbuta ma’ l-ippjanar u l-immaniġġjar ta’ l-ambjent.
Fl-indirizz tagħha, il-Ministru Debono stqarret li kien ta’ sodisfazzjon għaliha li tara lil dan l-ewwel grupp ta’ studenti jtemmu dawn il-korsijiet li saru matul l-aħħar sena akkademika, permezz tal-Fondi Strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea u fondi tal-Gvern Malti. Il-Ministru Debono qalet li dawn kienu wħud minn diversi korsijiet oħra li ngħataw f’Għawdex stess, fosthom dawk relatati mas-snajja’ fiċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri, u dawk marbuta mas-servizzi fl-industrija turistika fl-Istitut għal Studji Turistiċi.
Il-Ministru tkellmet dwar l-importanza tat-tkomplija ta’ l-istudju u t-tagħlim, kemm għaż-żgħażagħ kif wkoll għal studenti iżjed maturi. Huwa għalhekk li l-Ministeru għal Għawdex għandu l-ħsieb li jkompli jipprovdi iktar korsijiet bil-għan li iktar Għawdxin jisfruttaw l-opportunitajiet edukattivi marbuta mal-ħiliet tax-xogħol.
Fil-preżent qed tiġi organizzata sensiela oħra ta’ korsijiet, li huma mistenija li jintemmu f’Ġunju 2007, u li qed isiru fiċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Universita’, kif wkoll fiċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġġjanat Wistin Camilleri u fl-Istitut għal Studji Turistiċi (Għawdex). Bħalissa qed jiġu offruti 22 kors, b’attendenza ta’ madwar 297 student. Matul is-sena akkademika preċedenti ġew offruti 30 kors.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958