IL-MINISTRU TAR-RIŻORSI U INFRASTRUTTURA JIPPREŻENTA WARRANTS LILL-INĠINIERA
L-Edukazzjoni hi waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Gvern. Fl-aħħar snin l-investiment f’dan il-qasam kien sostanzjali u r-riżultat qed ikun manifest fin-numru kbir ta’ studenti li qed jiggradwaw kull sena. Is-settur ta’ l-inġinerija llum, aktar minn qatt qabel, qed isir settur importanti fl-iżvilupp ta’ pajjiżna minħabba li d-domanda għal dawn il-professjonisti kulma jmur qed dejjem tikber.
Il-Ministru Ninu Zammit, qal dan meta kien qed iqassam warrants lill-Inġiniera. In-numru ta’ Inġiniera li kienu qed jingħataw warrant kien ta’ 61, fosthom 7 nisa. Dawn l-Inġiniera jinkludu 24 fl-inġinerija mekkanika, 35 fl-inġinerija elettrika u 2 fl-inġinerija ta’ l-informatika. Fl-aħħar erba’ snin in-numru ta’ Inġiniera li ngħataw warrant kien ta’ 203. Hu ta’ sodisfazzjon li wieħed jara dan l-ammont ta’ professjonisti li jiggradwaw f’qasam hekk importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Il-Perit Ninu Zammit spjega li l-Ministeru, permezz tal-Bord ta’ l-Inġiniera, jassisti lill-Kamra ta’ l-Inġiniera fit-titjib ta’ din il-professjoni. Fil-fatt wara talba ta’ l-istess Kamra qed isiru diskussjonijiet sabiex l-Att dwar il-Professjoni ta’ l-Inġinerija tiġi aggornata biex tkun konformi maż-żminijiet ta’ llum. Dan se jsir peress li llum, il-professjoni ġiet miftuħa aktar u m’għadhiex biss tkopri l-inġinerija mekkanika u dik elettrika kif tgħid il-liġi preżenti. Għaldaqstant tħejjew l-emendi neċessarji sabiex professjonijiet oħra jiġu nklużi fl-iskeda ta’ għoti tal-warrants. Dawn l-emendi jidhlu fis-seħħ wara li jittiehdu l-passi kollha neċessarji u wara li l-abbozz jiġi approvat mill-Gvern.
Filwaqt li awgura lill-Inġiniera preżenti, il-Ministru Zammit tenna l-appell tiegħu lil dawn l-inġiniera li rċevew il-warrant biex issa, bħala rikonoxximent ta’ l-investiment li s-soċjeta’ investit fihom, l-istess professjonisti b’sens ta’ dover għandhom jimpenjaw ruhhom f’ħidma responsabbli f’parametri ta’ etika stabbilita għall-ġid tagħhom u ta’ pajjizna.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958