IT-TIENI GRUPP TA’ 1,000 DELEGAT GĦALL-KONFERENZA ANNWALI TA’ THOMAS COOK
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech, reġa’ żar is-Saluting Battery fil-Belt Valletta nhar it-Tlieta filgħaxija sabiex jagħti merħba lit-tieni grupp ta’ 1,000 delegat ta’ l-operaturi turistiċi Thomas Cook.
Il-Ministru Zammit Dimech osserva li b’kollox f’anqas minn ġimgħa kienu ġew Malta 2,000 delegat ta’ din il-kumpanija tant magħrufa madwar id-dinja fil-qasam tat-turiżmu. Huwa qal li kien ta’ sodisfazzjon kbir għalih li jara dawn id-delegati f’pajjiżna u japprezza li kien hemm kompetizzjoni qawwija ħafna li Malta kellha tirbaħ sabiex din il-konferenza ssir fostna.
“Intom il-persuni li toffru l-ewwel parir lil min iżurkom għax ikun qed jippjana vakanza,” osserva l-Ministru Zammit Dimech, “Nawgura li l-esperjenza mill-aqwa li qed ikollkom ta’ Malta toffruha wkoll lil eluf oħra biex jiskopru huma wkoll lil Malta. Dan il-pajjiż joffri xejn anqas minn 7,000 sena ta’ storja u din l-esperjenza irid jaqsamha ma’ kull min iżurna, bi tbissima li tixhed l-ospitalita’ tradizzjonali tal-poplu Malti.”
L-ewwel diskussjonijiet biex il-konferenza ta’ Thomas Cook issir f’ Malta kienu saru f’Londra f’Novembru 2005 meta il-Ministru Zammit Dimech kien iltaqa’ mad-diriġenti ta’ Thomas Cook waqt il-World Travel Market. “Nixtiequkom li tiskopru kemm tistgħu lil Malta u li tapprezzaw l-esperjenza unika li Malta toffri,” qal il-Ministru Zammit Dimech, “Barra minn hekk, waqt li tkunu hawn, tajjeb li tindunaw li Malta llum mhux biss toffri storja u patrimonju kulturali, iżda wkoll ħajja kontemporanja ta’ l-ogħla livell fil-qasam ta’ l-arti u l-kultura.”
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958