TNAQQIS MIT-TAXXA TAD-DĦUL FUQ DONAZZJONIJIET U RESTAWR TAL-PATRIMONJU MALTI
Fl-2007 se jidħol fis-seħħ Avviz Legali 266 ta’ l-2006 dwar regoli għal Donazzjonijiet għall-Patrimonju Nazzjonali. Permezz ta’ dan l-Avviz Legali, kull min jagħti donazzjoni ta’ mhux inqas minn Lm1,000 fi flus likwidi, jew taħt xi forma oħra ta’ assi, minbarra proprjeta’ immobiljari, lis-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali; Patrimonju Malta; Fondazzjoni Patrimonju Malti jew xi għaqda mhux Governattiva ta’ patrimonju kulturali, ikun jista’ jitlob tnaqqis mid-dħul tiegħu għas-sena ta’ stima li fiha tkun saret.
Tnaqqis mit-taxxa tad-dħul jista’ jintalab ukoll f’każ ta’ donazzjoni lil għaqda dwar patrimonju kulturali mhux Governattiva u li tkun reġistrata mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali skond l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, u li ma tkunx b’xi mod relatata mal-kumpanija li tkun qiegħda tagħmel id-donazzjoni.
L-Avviz Legali jitratta wkoll donazzjonijiet ta’ mhux inqas minn Lm5,000 fi flus likwidi għal xogħol ta’ restawr lill-istess entitajiet imsemmija aktar ’l fuq u li jkunu approvati minn, jew f’isem, xi waħda mill-imsemmija entitajiet. Din id-donazzjoni tista’ tintalab bħala tnaqqis mid-dħul għas-sena ta’ stima li fiha tkun saret, basta jkun inħareġ mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ċertifikat relevanti dwar din id-donazzjoni. Ma jingħata ebda tnaqqis għal donazzjoni magħmula minn xi għaqda mhux Governattivi ta’ patrimonju kulturali li ma tkunx reġistrata mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali skond l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, jew li tkun b’xi mod relatata mal-kumpanija li qiegħda tagħmel id-donazzjoni.
Il-kundizzjonijiet dwar kif jista’ jintalab tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul għal donazzjonijiet għall-patrimonju kulturali u tnaqqis mit-taxxa għal xogħlijiet ta’ restawr, tħabbru mill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, l-Onor. Francis Zammit Dimech u mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Onor. Tonio Fenech, waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret f’Palazzo Falson, fl-Imdina li jitmexxa mill-Fondazzjoni Patrimonju Malti.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern qed jibbaza parti kbira mit-titjib tal-prodott turistiku ta’ pajjiżna fuq 7,000 sena ta’ storja. Hu qal li Malta m’għandix għalfejn toħloq xi immaġini li m’għandix. Hu qal li jagħmel hekk min ma jkollux millenji ta’ storja u wirt kulturali kif għandu pajjiżna. “Tivvinta meta m’għandek xi tgħid li hu veru, li hu konkret,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal l-kobor tal-patrimonju Malti, il-fatt li diversi siti storiċi u l-istess belt Valletta ġew dikjarati mill-UNESCO bħala wirt dinji, jimponi fuqna responsabbilta’ kbira u magħha l-ħtieġa ta’ investiment qawwi fil-patrimonju Malti.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Gvern kien qed jikkontribwixxi b’kull mod lejn l-iżvilupp tal-wirt kulturali u li l-miżuri f’dan l-Avviż Legali huma żvilupp ieħor fid-direzzjoni t-tajba u għandhom jinkoraġixxu lil kull min irid igħin fl-iżvilupp kulturali ta’ pajjiżna billi jitlob tnaqqis fit-taxxa tad-dħul tiegħu.
Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi Tonio Fenech qal li dan il-Gvern jinkoraġixxi bil-fatti l-patrimonju Malti u dak kollu li jħares il-wirt stroriku u kulturali ta’ pajjiżna. Hu qal li fil-budget ta’ din is-sena l-Gvern żied il-vot ta’ Patrimonju Malta minn Lm1,150,000 għal Lm1,646.000 – żieda ta’ Lm496,000 jew ta’ 44 fil-mija. Hu qal li għas-sena d-dieħla l-Gvern ivvota Lm657,000 għall-proġett ta’ riabilitazzjoni tat-tempji ta’ l-Imnajdra u Ħaġar Qim. Is-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech qal li l-Gvern ivvota wkoll Lm80,000 għar-ri-allokazzjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li issa marret fil-Forti Sant’Anġlu fejn qed isir xogħol ta’ restawr u riabilitazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech żied igħid li dawn ir-Regoli dwar Donazzjonijiet (Patrimonju Nazzjonali) għandhom jinkoraġġixxu aktar kumpaniji u entitajiet biex jagħtu kontribut siewi lill-patrimonju Malti, u b’hekk ikunu qegħdin ukoll jiġu mgħejjuna b’mod indirett permezz ta’ dan it-tnaqqis fit-taxxa.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958