ESEBIZZJONI PUBBLIKA BIS-SOTTOMISSJONIJIET GĦAD-DISINN TAR-RIABILITAZZJONI TAL-MIŻBLA MAGĦLUQA TAL-MAGĦTAB
Bħala parti mir-riabilitazzjoni tal-miżbla magħluqa tal-Magħtab tnehdiet Kompetizzjoni Internazzjonali għad-Disinn tal-Magħtab Park u kien hemm 21 reġistrazzjoni li ndikaw l-interess tagħhom fil-proċess. Bħalissa għaddej il-proċess ta’ analiżi ta’ dawk li eventwalment ressqu s-sottomissjonijiet tagħhom, liema proċess hu mistenni li jintemm il-ġimgħa d-dieħla.
Dan se jkun segwit minn esebizzjoni pubblika li se ssir f’Diċembru fejn il-pubbliku se jkun jista’ jara u jikkummenta fuq is-sottomissjonijiet esebiti. B’hekk kulħadd se jkun jista’ jara kemm dan il-proċess miexi b’ritmu mgħaġġel u se jkun jista’ jara wkoll f’hiex se jsarraf il-proċess ta’ trasformazzjoni ta’ dik li sa ftit ilu kienet il-ġerħa nazzjonali u l-monument tat-telqa ambjentali ta’ pajjiżna.
Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino fid-diskors tal-ftuħ tal-Biology Symposium 2006 organizzat mid-Dipartiment tal-Bioloġija ta’ l-Universita’ ta’ Malta b’kollaborazzjoni mad-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)
Pullicino qal li s-sit riabilitat tal-Magħtab qed ikun ippjanat li jkun ċentru edukattiv u qed issir insistenza li d-disinn tal-park ikun jinkludi elementi li jagħmlu riferenza għall-ambjent, biodiversita’ u prattiċi ġodda ta’ mmaniġġjar ta’ l-iskart li ser ikunu qed jintużaw fis-sit tal-landfill ta’ l-Għallis.
Il-Ministru Pullicino tkellem ukoll dwar l-Aġenda ta’ Lisbona u fakkar li Malta adottat il-Pjan Nazzjonali ta’ Riforma. Wieħed mill-għanijiet fis-settur ta’ l-ambjent huwa t-twaqqif ta’ Strateġija Nazzjonali għall-Biodiversita’ u l-Programm ta’ Pjan t’Azzjoni. Huwa ħabbar it-tnehdija tal-proċess li se jwassal biex pajjiżna jkollu dawn l-istrumenti sa’ l-2009. Pullicino qal li din l-istrateġija se tkun ibbażata fuq riċerka li diġa’ teżisti u tinkludi attivitajiet relatati mar-riċerka tal-biodiversita’. Dan se jsir bl-assistenza u l-appoġġ tax-xjentisti u r-riċerkaturi kollha u se jinkludi wkoll kollaborazzjoni mill-qrib mad-Dipartiment tal-Bioloġija.
Il-Ministru Pullicino appella biex l-istudenti li jistudjaw fid-Dipartiment tal-Bioloġija jagħtu importanza li tixraq lis-settur agro-industrijali u s-sajd, liema setturi m’għandhom qatt ikunu sottovalutati. Hu qal li dawn huma setturi li għandhom potenzjal qawwi minbarra li huma setturi li jħallu impatt sinifikanti fuq l-ambjent.
Hu stieden lill-istudenti biex iqisu bħala priorita’ l-fatt li jfiehmu lill-pubbliku dak li jirriżulta mir-riċerki tagħhom għax hekk biss il-poplu jista’ japprezza l-wirt naturali u ambjentali tal-pajjiż.
Hu qal li l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ukoll qed iqis din bħala priorita’ tal-ħidma tiegħu u ħabbar li minn Jannar li ġej se jibdew isiru laqgħat ta’ apprezzament ambjentali b’kollaborazzjoni ma’ NGO’s u individwi oħrajn li jaħdmu fis-settur ta’ l-ambjent.
Fl-aħħarnett il-Ministru Pullicino semma wkoll il-programm tal-EkoSkola li hija immirata li xxerred edukazzjoni u għarfien ambjentali fost l-istudenti u stieden lil kull min għandu l-ambjent għal qalbu biex jagħti l-kontribut tiegħu lejn is-suċċess ta’ din l-inizjattiva.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958