Left arrow Go Back

IMNEDIJA SKEMA LI TINKORAĠĠIXXI ‘DUAL DISPLAY OF PRICES’ KMIENI KEMM JISTA’ JKUN

PR1605
Date Icon 23/11/2006

Fil-preżenza ta’ ħames ghaqdiet li jirrappreżentaw is-settur tan-negozju f’pajjiżna, is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għal Finanzi, l-Onor. Tonio Fenech ħabbar skema li permezz tagħha in-negozji jikkommettu ruhhom biex ma’ jaghmlux zieda fil-prezzijiet minħabba l-bidla fil-munita, filwaqt li ser jiġu mħeġġa sabiex minn kmieni s-sena d-dieħla jibdew juru l-prezzijiet kemm bil-Lira Maltija kif ukoll bl-ewro. 

“It-triq għal bidla bil-għaqal u li minnha jgawdi kullħadd, tiddependi ferm mis-sidien tan-negozji. Huwa għalhekk li nirringrazzja lill-Kamra tal-Kummerċ, il-GRTU, l-FOI, l-MHRA, u l-MEA ta’ l-appoġġ tagħhom f’dan ir-rigward. Permezz tal-ħidma ta’ dawn l-istituzzjonijiet flimkien mal-Kumitat Nazzjonali għall-Bidla għall-ewro, din l-iskema għandha tkun suċċess,” qal is-Segretarju Parlamentari  Tonio Fenech. Hemm diversi preparamenti li kull negozju jrid iħejji sabiex ikun lest għall-ewro. L-inizjattiva FAIR (Fair pricing Agreements in Retailing) hija l-ewwel pass għal bidla mingħajr problemi.  

L-aħħar stharrig ippublikat mill-Kummissjoni Ewropea fil-bidu ta’ Novembru juri li 69% tal-Maltin jibżgħu li din il-bidla se ġġib magħha zieda fil-prezzijiet. Is-Segretarju Parlamentari Fenech qal li l-Inizjattiva FAIR hija maħluqa sabiex kull sid ta’ ħanut iġedded il-fiduċja tal-konsumatur fin-negozju u jkollu opportunita’ sabiex jagħmel mill-bidla għall-ewro suċċess. 

Tonio Fenech enfassizza li kull min jissieħeb fil-FAIR se jkun qed jikkommetti ruħu li n-negozju tiegħu jħaddan prezzijiet ġusti u jimpenja ruħu li ma jgħollix il-prezzijiet għas-sempliċi raġuni tal-bidla għall-ewro.  L-għaqda li teżisti llum bejn il-Gvern u r-rappreżentanti tas-sidien tan-negozji għandha twassal sabiex din il-bidla ma ġġibx magħha abbużi, iżda toħloq kunfidenza fil-konsumatur. 

Is-Sur Joe FX Zahra, Chairman tal-Kumitat Nazzjonali għall-Bidla għall-Ewro spjega li l-inizjattiva FAIR hija speċifikament maħluqa biex tgħin lin-negozji isaħħu l-fiduċja tal-konsumaturi tagħhom u tgħinhom jieħdu l-kunfidenza neċessarja fil-bidla għall-ewro. Il-FAIR hija fl-aħħar mill-aħħar impenn minn naħa tan-negozjant biex jaddotta prattiċi tajba fin-negozju tiegħu u jkun kommess li juri prezzijiet ġusti u trasparenti matul il-bidla. Il-FAIR tgħin lin-negozjant jintroduċi d-Dual Displayb’mod sempliċi u gradwali qabel il-perjodu mandatorju waqt li tiggarantixxi t-trasparenza u l-onestà fil-prezzijiet. Min jissieħeb f’din l-iskema jingħata l-FAIR ‘trust mark’ (li tintwera fuq il-vetrina tal-ħanut) li hija xhieda li dak in-negozju huwa ta’ min jafdaħ u impenjat li jaqdi l-konsumatur mill-aħjar. 

Is-Sur Alan Camilleri, Direttur Eżekuttiv ta’ l-NECC tenna li l-NECC se jkun qed jagħti taħriġ lill-ħaddiema, jwettaq promozzjoni fuq livell nazzjonali, u jipprovdi tool kit, dual pricing guns u tabelli ta’ l-ammonti b’xejn lil dawn in-negozji kollha. “Diġa’ hemm interess qawwi minn diversi negozji ewlenin f’pajjiżna sabiex jissieħbu f’din l-iskema. Dan jawgura tajjeb sabiex in-numru ta’ negozji li juru l-prezzijiet biż-żewġ muniti jkun wieħed għoli mill-bidu tas-sena id-dieħla,” temm jgħid is-Sur Camilleri. 

Din l-inizjattiva se tkun immexxija minn organu ġdid fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi. Il-Euro Observatory Unit se jmexxi u jissorvelja l-iskedi tad-Dual Display kif sottomessi mill-parteċipanti tal-FAIR. Se jkun żgurat li l-parteċipanti tal-FAIR jilħqu l-impenji tagħhom u li jinżamm kuntatt kontinwu mal-NECC. Fuq kollox l-għan ta’ dan il-Unit huwa li jeduka u jħarreġ lin-negozji biex jiżgura preparazzjoni adegwata u fil-ħin dwar il-bidla għall-ewro. 

L-Onor. Edwin Vassallo, Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, qal li “din l-inizjattiva, kif qed tiġi proposta, hija l-akbar patt soċjali li s-sidien tan-negozji tagħna ser ikunu qegħdin jagħmlu volontarjament magħhom infushom, mal-konsumaturi tagħhom u mal-ġejjieni ta’ pajjiżna.  Minn dan il-proċess ta’ bidla mill-munita tal-Lira Maltija għall-ewro, jiddependi l-ġejjieni ekonomiku u tal-kummerċ ta’ pajjiżna.  Iżjed ma jkollna proċess ta’ bidla mibni fuq il-valur tal-ġenwinita’, iżjed inkunu qegħdin niggarantixxu s-suċċess għan-negozju tagħna.  Jiena nħeġġeġ lin-negozji kollha biex jiċċertifikaw il-ġenwinita’ u s-sinċerita’ tagħhom fil-bidla mil-Lira għall-ewro, permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-iskema FAIR.”   

“Iżjed ma jkollna negozji jipparteċipaw f’din l-iskema, inqas ikollna konsumaturi beżgħana u dubjużi minn din il-bidla.  Din l-inizjattiva li qegħda tiġi proposta lis-sidien tan-negozji, hija inizjattiva li għandha twassal lill-konsumaturi biex  jkollhom aktar fiduċja fis-sidien tan-negozji.  Għaldaqstant, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed fi ħdan il-Ministeru għall-Kompetittivita’ u Kommunikazzjoni, nimpenja l-ħidma tagħna sabiex naraw li din l-iskema tkun  suċċess.” 

Grupp ta’ Euro Assistants huma lesti biex jduru n-negozju madwar Malta u Għawdex kollu sabiex iħarġu dwar il-bidla għall-ewro u jispjegaw kif wieħed għandu jippjana b’mod għaqli għal din il-bidla. Dawn il-Euro Assistants se jkunu qed iqassmu l-applikazzjonijiet għal FAIR, ħanut ħanut matul il-ġimgħat li ġejjin. 

Kwalunkwe informazzjoni fuq din l-iskema tista’ tinstab fis-sit www.euro.gov.mt jew billi wieħed iċempel fuq linja ewro 154. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow