INAWGURAT CT SIMULATOR ĠDID FL-ISPTAR PAWLU BOFFA
“Bl-introduzzjoni ta’ apparat dejjem aktar modern se nkunu qegħdin nagħmlu qabża fil-kwalità fis-servizz ta’ kura li jirċievu l-pazjenti li jbatu mill-mard tal-kanċer. Il-gvern wasal fi stadju avvanzat fix-xiri ta’ żewġ linear accellerators li jiswew madwar żewg miljun lira”.
Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Dr. Louis Deguara meta kien qiegħed jinawgura CT Simulator ġdid li għadu kif ġie nstallat u beda jopera fid-Dipartiment ta’ l-Onkoloġija fl-isptar Sir Paul Boffa. L-apparat mediku li llum insibu fid-Dipartiment ta’ l-Onkoloġia huwa apparat li ta servizz għal bosta snin, imma issa wasal iż-żmien li jinbidel ma’ wieħed b’teknoloġija aktar avvanzata, li se ġġib qabża fil-kwalità ta’ kura.
Inħasset il-ħtieġa li jinbidel ukoll il-linear accellerator li ilu jaħdem għal dawn l-aħħar 13–il sena. L-ispazju fl-Isptar Boffa huwa wieħed limitat biex ilaħħaq mad-domanda tan-numru ta’ pazjenti li dejjem qed jikber. Għalhekk il-gvern ħa d-deċiżjoni li jittrasferixxi s-servizzi li jingħataw minn Boffa għal Zammit Clapp filwaqt li Zammit Clapp jiġi trasferit għal faċilità ta’ riabilitazzjoni ġdida li se tinbena biswit ir-Residenza ta’ San Vincenz.
Din id-deċiżjoni ttieħdet wara konsiderazzjonijiet tal-bżonnijiet li s-servizzi tal-kura tas-saħħa f’pajjiżna se jkunu qed jiffaċċjaw fil-futur qarib. L-inċidenza tal-mard tal-kanċer qed tiżdied u allura l-gvern irid jaħseb biex ikollna faċilitajiet biex din il-kura mhux biss tibqa’ tingħata fl-istess livell li tingħata llum, imma permezz ta’ apparat mill-aktar soffistikat, jitjieb ukoll dan il-livell.
Il-Ministru Deguara irringrazzja lil għaqdiet non-governattivi; Malta Cancer Foundation, The International Atomic Energy Agency u lil Maria Bugeja Cancer Support Foundation, li taw kontribut biex inxtara dan is-Simulator. Il-Malta Cancer Foundation tat l-akbar sehem billi kkontribwiet Lm91,000 minn fondi mogħtija mill-Kampanja l-iStrina 2004. Dan kien l-akbar proġett finanzjarju ta’ din il-Fondazzjoni, li kien ukoll strumentali fl-immodernizzar tas-swali ta’ l-onkoloġija kemm fl-in-patient ward, kif ukoll fid-day ward. Għal dawn l-aħħar sentejn, din il-Fondazzjoni kienet qegħda wkoll toħroġ fondi għal CT Scans li jsiru fil-privat fuq pazjenti li se jkunu jibdew ir-radjuterapija. Dawn l-iscans issa se jibdew isiru fl-Isptar Boffa permezz tas-simulator li qiegħed jiġi inawgurat.
Is-CT Simulator il-ġdid jipprovdi immaġini tri-dimensjonali fejn qabel bl-apparat il-qadim l-immaġini kienu jkunu bħal x-ray normali. Dan is-simulator jifforma parti ntegrali minn sistema ntegrata u kompjuterizzata li eventwalment flimkien mal-linear accellarator tipprovdi kura ta’ l-aqwa kwalità. Din it-teknoloġija tippermetti l-ippjanar aħjar tal-kura meħtieġa u hija essenzjali biex tingħata doża aktar qawwija ta’ radjazzjoni lit-tumur mingħajr ma tikkawża ħsara fil-periferiji tat-tumur. Dan is-simulator jieħu biss tletin sekonda biex jagħtik l-iscan u dan hu ta’ vantaġġ kbir għall-pazjenti. Dan iżid il-possibilità ta’ fejqan. Dan l-apparat ikun jista’ jiġi trasferit għall-Isptar Zammit Clapp meta s-servizzi ta’ l-onkoloġija jibdew jingħataw minn hemmhekk.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958